Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu

Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu

Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena B

Nitolbu. O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti tfawwar tjubitek fuq dawk li jitolbuk u tagħtihom aktar milli jistħoqqilhom, aktar milli huma stess jistgħu jixtiequ; xerred fuqna l-ħniena tiegħek, billi taħfrilna kulma jbeżżagħna fil-kuxjenza tagħna u tagħtina dak li ma għandniex ħila nitolbuk. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Isiru ġisem wieħed.
Ġen 2:18-24

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Il-Mulej Alla qal: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih”. U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skont ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha. U l-bniedem ta isem lil kull bhima u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih.

U l-Mulej Alla tefa’ nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem.

Imbagħad il-bniedem qal:
“Din id-darba din hi għadma minn għadmi,
u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara,
għax mir-raġel ittieħdet hi”.

Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 127(128):1-2,3,4-5,6

R/. (ara 5): Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. R/.

Ara kif ikun imbierek
il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! R/.

Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek!
Sliem għal Iżrael! R/.

Kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed.
Lhud 2:9-11

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, lil dak li għal ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas mill-anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta’ Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta’ kulħadd.

Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għall-glorja, jagħmel li l-Awtur tas-salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa tas-sofferenzi.

Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom ħutu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Ġw 4:12

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Lil Alla għadu ħadd ma rah,
imma jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina,
u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.
R/. Hallelujah.

Dak li għaqqad Alla, ma għandux jifirdu l-bniedem.
Mk 10:2-16

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.

Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.

Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Ispirat mill-Ispirtu s-Santu, l-Evanġelista San Mark jagħmel enfasi fuq id-dixxipulat ta’ Ġesù fi żmien ta’ persekuzzjoni u, għalhekk, mimli sfidi għal kulmin jimxi wara l-Mulej Ġesù. Hekk se naraw fil-Kelma ta’ dan il-Ħadd li t-tema prinċipali hi dwar iż-żwieġ fil-pjan ta’ Alla.

Fl-Ewwel Qari naraw kif, sa mill-bidu, Alla ried li koppja miżżewġa tkun magħquda b’rabta li ma tinħallx. Dan hu l-pjan tiegħu għaż-żwieġ. Il-ħlejjaq kollha ma jistgħu qatt jimlew qalb il-bniedem daqs bniedem ieħor. Bil-lingwaġġ sabiħ li nsibu f’din is-silta, l-awtur juri kemm Alla l-Ħallieq għandu għal qalbu l-ġid sħiħ tal-bniedem, l-hena li tagħmlu sħiħ u dan billi juri l-ferħ u l-kburija li juri l-bniedem meta jingħata l-mara. U l-kumment tal-awtur juri li fil-pjan ta’ Alla ma hemmx dominazzjoni wieħed fuq l-oħra imma tant huma magħqudin li jsiru ġisem wieħed.

Fit-Tieni Qari, naraw kif Alla ried li aħna bħala wliedu naslu għall-glorja. Dan kien il-pjan tiegħu sa mill-bidu. Imma l-bniedem ried jagħmel ta’ rasu. U hekk sofrejna l-firda minn Alla u l-konsegwenzi tagħha. Minħabba dan bagħat lil Ibnu l-Waħdieni biex bis-sofferenzi tiegħu jsalvana. Is-salvazzjoni mid-dnub tilħaq kull qasam ta’ ħajjitna inkluż ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna speċjalment fiż-żwieġ.

L-Evanġelju jaqbad mal-ewwel qari fis-suġġett tiegħu u dan hu dwar il-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ. L-Evanġelju jibda billi jpoġġilna l-kuntest li fih Ġesù jitkellem fuq iż-żwieġ u jagħmel dan bla kompromessi. Qed ikun imġarrab mill-kbarat reliġjużi ta’ żmienu. Dan it-tiġrib insibuh ta’ spiss. L-intenzjoni tagħhom kienet li jaraw jekk it-tagħlim ta’ Ġesù jaqbilx mat-tradizzjonijiet tagħhom. Naħseb kellhom ukoll intenzjoni oħra b’din il-mistoqsija: li jnaqqsu l-popolarità ta’ Ġesù man-nies. Bla tlaqliq, Ġesù jistqarr li l-pjan ta’ Missieru kien u jibqa’ li raġel u mara jingħaqdu minn Alla u għalhekk ma jistax ikun hemm firda bejniethom. Tqil dan il-pjan. Żgur li tqil hekk li l-istess dixxipli jistaqsuh kif jista’ jkun dan. U hawn Ġesù, li ġie biex isalvana, jurina li fiż-żwieġ hemm il-barka ta’ Alla imma bid-divorzju l-bniedem faċli jaqa’ għall-adulterju. Id-dixxiplu ta’ Ġesù ma jistax jimxi u jaħseb bħax-xejriet tad-dinja jew tas-soċjetà li fiha jgħix. Id-dixxiplu jibni l-istil tal-ħajja tiegħu fuq il-pjan ta’ Alla li qatt ma jħallina neqsin mill-Grazzja tiegħu.

U jien bħala dixxiplu ta’ Ġesù fil-wieħed u għoxrin seklu jinkwetani li ħafna valuri tal-Evanġelju huma sfidati mis-soċjetà li fiha ngħix? Jinkwetani li jkolli nħabbat wiċċi ma’ min għażel li ma jimxix fuq it-tagħlim ta’ Ġesù dwar iż-żwieġ? Għandi qalb soda fit-tagħlim ta’ Ġesù dwar iż-żwieġ meta niltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet ta’ żwiġijiet imkissra, nies divorzjati, nies ta’ orjentazzjoni sesswali oħra f’għaqdiet ta’ żwieġ ċivili? U kif inħares lejn il-koppji li qed iħejju għaż-żwieġ? It-tieni qari jitfa dawl ta’ tama sabiħa dwar dan.

Talba

Missier, grazzi tal-provvidenza tiegħek. Inti għamiltna raġel u mara u, meta bid-dnub kissirna kull relazzjoni, inti ma ħallejtniex orfni. Grazzi li pprovdejt lil Ibnek Ġesù li ħa fuqu d-dnubiet kollha tagħna, il-feriti tagħna, l-uġigħ u l-ħtijiet tagħna u qered il-ħakma tagħhom fuqna bil-mewt tiegħu. Missier, nitolbuk bil-qawwa tad-Demm għażiż ta’ Ġesù għal kull mara u kull raġel, miżżewġin jew le, biex il-pjan tiegħek għalina—pjan ta’ ġid u mhux ta’ deni—iseħħ fina. Għinna, Missier, biex bl-Ispirtu tiegħek nindmu u nduru lura lejn il-ħajja kif tajtielna Int. Grazzi ħafna.

The post Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.