It-Tlieta u Tletin Ħadd Matul is-Sena B
Kolletta
Nitolbu. Nitolbuk, Mulej, Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax l-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
Qed noqorbu lejn tmiem is-sena liturġika u l-Knisja tippreżentalna messaġġ ta’ tama filwaqt li tistedinna nirriflettu dwar dak li hu dejjiemi u jagħti sens lil ħajjitna. Nafu li fil-ħajja mhux kollox ward u żahar. Ilkoll ngħaddu minn esperjenzi ta’ tbatija li jġibu fuqna dlamijiet, dwejjaq u inċertezzi, meta “ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu u l-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema” (v. 24-25). Xi drabi nitilfu kull tama u nħossu s-sema nieżla fuqna daqs li kieku għalina waslet l-aħħar tad-dinja. Nibqgħu b’ħarsitna ffissata ’l isfel mitlufa fid-diżappunti, fl-inġustizzji u fit-telfiet li ġarrabna, fir-relazzjonijiet li sfaxxaw fix-xejn, fi pjanijiet li ma seħħewx, jew fil-mard li ġie fuqna jew fuq l-għeżież tagħna. Dan kollu jista’ jtellfilna l-paċi u jiddistrattana milli nżommu ħarsitna ’l fuq biex naraw “lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja” (v.26). Mill-banda l-oħra, mumenti ta’ kriżi fil-ħajja tagħna jistgħu jkunu ta’ stedina għalina biex ninħallu miċ-ċertezzi u mill-idoli foloz li nagħmlu minn żmien għal żmien biex nistgħu tabilħaqq nagħmlu spazju għal Ġesù fil-qalb tagħna.
X’inhuma l-idoli fil-ħajja tiegħek li jeħtieġ jaqgħu biex ikollok bidu ġdid, ħajja ġdida fi Kristu?
Mill-parabbola tat-tina, il-Mulej Ġesù qed iħeġġiġna biex nitgħallmu naqraw is-sinjali taż-żmien u b’mod speċjali biex nagħrfu l-preżenza tiegħu fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna ta’ kuljum tant li nagħrfu nistqarru: “Il-Mulej dan!” Illum, f’liema waqt l-aktar li ħassejt il-preżenza tal-Mulej?
Ġesù jgħidilna, “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (v.31). Ta’ did-dinja kollox jgħaddi, imma kelmet il-Mulej iddum għal dejjem. Għalfejn mela norbtu qalbna u nagħmlu għalina idoli minn nies dgħajfin bħalna u minn ħwejjeġ materjali li jispiċċaw fix-xejn? X’post għandha l-Kelma t’Alla fil-ħajja tiegħek? Kemm qed tixtarrha u tħalliha tinbet f’qalbek biex tagħmel il-frott?
Il-tieni miġja tal-Mulej Ġesù bil-glorja timliena bit-tama. Mhux għalina li nkunu nafu l-jum u s-siegħa, imma jkun għaqli għalina li nirriflettu fuq kif qed nagħmlu użu miż-żmien li l-Mulej għoġbu jagħtina. Kif qed tipprepara ruħek għal din il-miġja? Kif qed tgħix il-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu?
Talba
Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,
m’għandix ġid ieħor ħliefek.”
Inżomm lill-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. (Salm 16, 1-2. 8)
The post Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix appeared first on Behold.
Ikkummenta