Avviżi – 22.12.2024 – Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent
- Illum 22/12,
- Fid-9.30am – Quddiesa li fiha jsir it-tberik tal-Bambini u l-Presepji. Inħeġġu lill-familji bi tfal u adoloxxenti biex jiġu u jġibu magħhom xi presepju jew Bambin ħalli nberkuhom. Wara jsir Kunċert b’innijiet tal-Milied fil-knisja stess mtella’ mill-aljievi tal-Għaqda Mużikali Santa Marija.
- Fuq iz-zuntier għandna għall-bejgħ ħelu tradizzjonali tal-Milied u biljetti f’lotterija b’riżq il-parroċċa.
- Inħeġġu lil kulħadd jersaq għat-Tqarbin u jhejji ruħu sew bis-sagrament tal-qrar, speċjalment f’dawn l-aħħar jiem ta’ tħejjija għall-Milied. Aħna s-saċerdoti disponibbli għall-qrar kull meta nintalbu. Barraminnhekk, il-ġimgħa d-dieħla ser niddedikaw dawn il-ħinijiet biex noffru servizz ta’ qrar fil-Knisja:
- – Nhar it-Tnejn 23/12 bejn is-7.00 u s-7.30am; u bejn is-5:45pm u s-7:15pm; u
- – Nhar it-Tlieta 24/12 bejn is-7.00am u s-7.30am; mill-4.30pm ’il quddiem; u mill-10.15pm ’il quddiem.
- It-Tnejn 23/12:
- Fis-6.00pm tibda l-purċissjoni bil-Bambin mill-M.U.S.E.U.M. tas-subien, iddur f’diversi toroq tar-raħal u tispiċċa fil-Knisja Arċipretali.
- Fis-6.30pm tiġi ċċelebrata l-quddiesa tal-aħħar jum tan-novena; u
- Fis-7.15pm tidħol il-purċissjoni bil-Bambin fil-Knisja u jsir programm speċjali.
- It-Tlieta 24/12, Lejlet il-Milied:
- Fil-5.30pm jingħad l-Ewwel Għasar tal-Milied;
- Fis-6.00pm – Rużarju;
- Fis-6.30pm quddiesa tal-Vġili tal-Milied, li fi tmiemha tingħata l-Barka Sagramentali.
- Fil-10.15pm – tinfetaħ il-knisja;
- Fil-10.45pm – tibda velja li tinkludi pageant, purċissjoni bix-xbieha ta’ Ġesù Bambin, issir il-prietka tat-tifel u f’12.00am tibda l-quddiesa tal-Lejl tal-Milied. Inħeġġiġkom ħafna biex nieħdu sehem fil-quddiesa ta’ nofs il-lejl għax b’hekk inkunu tassew flimkien niċċelebraw it-tifkira tal-veru Milied.
- L-Erbgħa 25/12, Il-Milied:
- Il-ħinijiet tal-quddies ikunu bħal tal-Ħadd, b’dik ta’ filgħaxija tkun fil-5.00pm.
- Il-Ġimgħa 27/12:
- Se norganizzaw ħarġa ta’ ġurnata għal Għawdex bi programm interessanti ħafna għal kulħadd. Nitilqu minn Ħad-Dingli fit-8.30am u niġu lura mal-vapur tal-9.45pm. Booking sa jum il-Milied mis-sagristija.
- Il-Ħadd 29/12, Festa tas-Sagra Familja u l-Bidu tal-Ġublew 2025 –Pellegrini tat-Tama fid-djoċesi tagħna. Il-Knisja f’Malta qed tistieden lil kulħadd biex:
- Fl-4.30pm nimxu f’purċissjoni mill-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat sal-Katidral tal-Imdina; u
- Fil-5.00pm nieħdu sehem f’quddiesa fil-Katidral tal-Imdina mmexxija minn Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna. Kulħadd mistieden.
- Avviżi oħra:
- Fil-jiem li ġejjin l-Uffiċċju Parrokkjali jkun magħluq u jerġa’ jiftaħ nhar it-Tlieta 7/01/2025.
- Inħeġġu biex fid-djar narmaw ix-xbieha tal-Bambin u xi grotta jew presepju. Il-parroċċa qed torganizza kompetizzjonijiet tal-isbaħ presepju u tieqa u faċċata ta’ dar imżejna. Dawk interessati jieħdu sehem għandhom iħallu isimhom fis-sagristija jew mal-Arċipriet.
- Fid-djar tqassmu l-envelopes tal-Kampanja “Minn Qalbna lill-Anġli” li ta’ kull sena fi żmien il-Milied taħseb li tiġbor donazzjonijiet għad-Dar tal-Providenza. L-envelopes tistgħu tħalluhom f’kaxxa li hemm apposta fuq il-mejda tal-offerti sal-ewwel jum tas-sena meta filgħaxija s-somma miġbura tiġi ppreżentata lid-Dar tal-Providenza waqt il-maratona annwali.
Ikkummenta