Ħejju t-triq tal-Mulej

Ħejju t-triq tal-Mulej

It-Tieni Ħadd tal-Avvent Sena Ċ

Kolletta

O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu mal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Alla għad juri sbuħit Ġerusalemm lid-dinja.
Baruk 5:1-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk

Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm, ilbies il-vistu u n-niket tiegħek,
u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta’ Alla.
Ilbes mantar il-ġustizzja ta’ Alla,
qiegħed fuq rasek id-dijadema tal-glorja ta’ Alla ta’ dejjem.
Għax Alla għad juri sbuħitek lid-dinja taħt ix-xemx,
Alla jsemmik għal dejjem:
“Sliem tal-Ġustizzja” u “Glorja tal-Qima ta’ Alla”.
Qum, Ġerusalemm, itla’ fl-għoli, u ħares madwarek lejn il-Lvant,
ara ’l uliedek miġmugħa, minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla’,
għall-kelma tal-Qaddis, ferħana li Alla ftakar fihom.
Telqu mingħandek bil-mixi, imkarkra mill-għedewwa,
u issa Alla se jġibhomlok,
merfugħin fil-ġieħ bħalkieku fuq tronijiet is-slaten.
Għax Alla ordna; jitniżżlu l-muntanji għolja, u l-għoljiet ta’ dejjem,
jimtlew il-widien u titwitta l-art,
biex hemm Iżrael jimxi ’l quddiem, bla tfixkil ta’ xejn,
taħt il-ħarsien ta’ Alla.
U l-foresti u s-siġar tal-fwieħa jixħtu dellhom għal fuq Iżrael,
bl-ordni ta’ Alla.
Għax Alla jmexxi lil Iżrael ferħan,
b’dawl il-glorja tiegħu,
imsieħba mill-ħniena u l-ġustizzja ħierġa minnu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6

R/.(3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

Huma u sejrin, imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura,
jiġu b’għana ta’ ferħ, iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

Kunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu.
Fil 1:4-6,8-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom, minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel jiem sal-lum. Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù. Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù! U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 84(85):8

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu:
u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
R/. Hallelujah.

Il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
Lq 3:1-6

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Iżaija:
“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa,
il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,
u t-triqat imħarbta jitwittew.
U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

L-Evanġelju tat-tieni Ħadd tal-Avvent ilaqqagħna ma’ Ġwanni l-Battista, il-prekursur ta’ Ġesù. L-Evanġelista jibda billi jdaħħalna fil-kuntest politiku u reliġjuż u jsemmi diversi mexxejja fosthom lil Anna u Kajfa, li dak iż-żmien kellhom f’idejhom l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir. Proprju fi żmien dawn il-mexxejja kollha, “Il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert” (v. 2).

Id-deżert huwa l-post assoċjat mas-solitudni u s-skiet, maqtugħ mill-ħafna distrazzjonijiet tad-dinja mgħaġġla li jaljenawna minna nfusna u minn Alla. Fid-deżert, Ġwanni ssaħħaħ spiritwalment. Fid-deżert, huwa bena relazzjoni profonda ma’ Alla u kien dispost li jilqa’ l-kelma tiegħu. Kien għalhekk li huwa seta’ jisma’ s-sejħa ta’ Alla u jerħilha “fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan” (v. 3) biex jaqdi l-missjoni profetika tiegħu. Aħna wkoll, jekk irridu nimxu ’l quddiem fil-vjaġġ spiritwali tagħna, jeħtieġ li niskopru d-deżert ta’ ġo fina u rrawmu s-skiet interjuri sabiex nisimgħu leħen il-Mulej.

Biex inhi mimlija ħajtek? X’għandek bżonn tarmi ’l barra biex tagħmel post għall-Mulej? Qed issib ħin fis-skiet mal-Mulej u tħallih ikellmek?

Il-missjoni ta’ Ġwanni kienet dik li jħejji qlub in-nies għall-Mulej. Huwa “xandar magħmudija ta’ ndiema għal maħfra tad-dnubiet” (v. 3), u bosta li kienu għatxana għal Alla kienu jmorru għandu biex jitgħammdu. Ġwanni kien iħeġġeġ lin-nies biex jindmu u jibdlu ħajjithom. Tajjeb niftakru fis-sagrament tal-Magħmudija li rċevejna x’aktarx meta konna trabi. Il-Magħmudija mhux biss tagħtina l-identità ta’ nsara, iżda wkoll issejħilna biex nilbsu lil Kristu u nwassluh għand tant nies għatxana għalih fid-dinja tal-lum. Il-ħajja tan-nisrani hija mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla li titlob minna li nikkonvertu ta’ kuljum.

Kif qed tgħix il-Magħmudija li rċevejt? Kemm qed timpenja ruħek biex twassal lil Kristu għand in-nies ta’ madwarek? Bil-Mulej magħna, “Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa, il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw u t-triqat imħarbat jitwittew” (v. 5). Ejjew inwasslu dan il-messaġġ ta’ tama matul dan l-Avvent.

Talba

F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi:

mingħandu tiġini s-salvazzjoni.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

(Salm 62, 2-3)

The post Ħejju t-triq tal-Mulej appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.