It-Tielet Ħadd tal-Avvent Sena Ċ
Kolletta
Nitolbu. O Alla, inti taf b’liema fedeltà l-poplu tiegħek qiegħed jistenna l-festa tal-Milied; agħtina, nitolbuk, li jseħħilna naslu għall-hena bla qies li nġarrbu fit-twelid ta’ Sidna, u li b’qalb ferħana niċċelebrawh dejjem b’solennità qaddisa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen
Lectio Divina
It-tema tat-tielet Ħadd tal-Avvent, li tispika mill-kulur liturġiku roża u l-qari, hija dik tal-ferħ. F’bosta kitbiet kateketiċi nsibu li l-ferħ huwa l-marka tan-Nisrani impenjat f’mixja ta’ dixxipulat wara Ġesù Kristu fi ħdan il-Knisja tiegħu. Fil-qari kollu li nsibu f’dan il-Ħadd jidwi l-kliem ‘ifraħ’, ‘ifirħu’, ‘il-Mulej qorob’.
F’dinja mhedda mill-kunflitti u l-gwerer; f’soċjetà fejn inti stmat għal dak li għandek u dak li kapaċi tagħmel aktar milli għal dak li int; f’mentalità fejn id-dehra hija ta’ importanza kbira; fejn il-prestiġju tal-persuna jdur ma’ kemm tikkonsma; fi klima fejn it-tiċrita tal-ħalq donnha għandha valur mhux ħażin ipparagunat mat-tbissima li tidher fl-għajnejn; tgħid qed nifhmu sew id-differenza bejn il-kuntentizza u l-ferħ?
Bosta għalliema tal-ħajja interjuri jgħidulna li l-kuntentizza—li hi essenzjalment ħaġa tajba—tiġi minn barra l-bniedem: kuntent bis-suċċessi li wieħed kiseb; kuntent b’xi affarijiet li xtaqt ikollu u issa akkwistahom, eċċ. Fi kliem sempliċi, il-kuntentizza għandha x’taqsam ma’ ambjent san, ma’ affarijiet tajbin u anke sbieħ, ma’ li tkun f’kumpanija ta’ nies li tħossok tajjeb magħhom. Il-kuntentizza titlef il-perspettiva tagħha meta dan kollu jsir l-idolu tal-bniedem. Alla jridna nkunu kuntenti, imma mhux edonisti; iridna li jkollna l-essenzjal imma mhux li nkunu rgħiba, li ma jimpurtanix minn ħaddieħor; iridna napprezzaw u nieħdu ħsieb is-sbuħija f’kull dimensjoni, mingħajr ma ninsew li l-estetika hija aktar profonda mis-sbuħija esterjuri biss; iridna nieħdu gost imma mhux li nkunu individwalisti u ma naħsbux fil-ġid komuni.
Min-naħa l-oħra, il-ferħ huwa interjuri, ġej mir-rabta tal-bniedem fl-essenza tiegħu ma’ Alla. Għax il-ferħ veru jiġi biss minn Alla. Dan jiżboq kull kwalifika, kull business card, kull oġġett prestiġjuż ieħor, anke jmur lil hinn mill-persuni ta’ madwarna. Il-bniedem li jfittex il-ferħ isibu biss f’Ġesù Kristu. Anke jekk jiġu ġranet iebsin, fejn jidħol is-saram f’dimensjonijiet differenti tal-ħajja, il-bniedem bil-mod il-mod jagħraf li Alla hu miegħu, u għaldaqstant il-paċi u l-ferħ tiegħu ma jonqsux. Il-ferħ Nisrani ma jiġix mix-xejn: irridu naħdmu għalih għax huwa deċiżjoni u mhux sempliċi emozzjoni biss.
Forsi wieħed jistaqsi: “X’nagħmel biex nakkwista dan il-ferħ?” Ibda billi tħares lejk innifsek bis-sinċerità. Apprezza dak li int. Aċċetta dak li inti. Alla dejjem iridna aħjar milli aħna, imma dejjem bih bħala ċ-ċentru ta’ ħajjitna. Agħti widen għall-Kelma t’Alla u ffrekwenta s-Sagramenti. Sib ftit ħin kuljum fejn tiskot u tisma’ lill-Mulej speċjalment quddiem it-Tabernaklu. Agħraf kif tagħmel dixxerniment tajjeb sabiex tibqa’ ffukata fuq il-ferħ li jagħtik il-Mulej, b’deċiżjonijiet u għażliet tajbin li tieħu f’ħajtek. Agħmel prioritajiet u ibni fuq prinċipji sodi. Tajjeb li jkollok persuna kompetenti li takkumpanjak spiritwalment sabiex miegħu/magħha taqsam il-mixja spiritwali tiegħek. Fuq kollox, ftakar li l-ferħ veru tħossu meta tagħti (b’intenzjoni tajba) aktar milli meta tirċievi.
Ieqaf u Aħseb:
– Xi jferrħek f’ħajtek?
– Lest li tħalli lil Ġesù Kristu jiltaqa’ miegħek f’ħajtek?
– Jista’ jkun li jiġi sa ħdejk fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja, jew permezz ta’ dawk ta’ madwarek, jew permezz ta’ dak li taqra/tara, jew permezz tal-eżempji tajba ta’ persuni kuraġġużi?
– Jekk tkun iltqajt tassew ma’ Ġesù Kristu, il-ferħ ma jonqosx. X’qed ittellef il-ferħ Nisrani minn ġo fik?
– Kif qiegħed tgħaddi dan il-ferħ lill-oħrajn?
– X’se tkompli tagħmel sabiex dan il-ferħ ikompli jiġġedded ġo fik?
Talba
Mulej, f’dan l-Avvent, agħtini l-qawwa biex ma nibżax inħallik tiltaqa’ miegħi. Ħa tkun din il-laqgħa l-fus tal-ħajja spiritwali tiegħi. Ħa jkompli l-ferħ tiegħek jimla lil qalbi u lil ħajti. Ammen.
The post Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha appeared first on Behold.
Ikkummenta