Stennija, ferħ, tama

Stennija, ferħ, tama

Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent Sena Ċ

Kolletta

Nitolbu. Sawwab f’ruħna, Mulej il-grazzja tiegħek, biex aħna li, bit-tħabbira tal-Anġlu, għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu naslu fis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f’Iżrael.
Mik 5:1-4a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea

Dan jgħid il-Mulej:
“Int, Betlehem ta’ Efrata,
ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda,
minnek għad joħroġli
dak li jkun prinċep f’Iżrael;
hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem,
sa minn dejjem ta’ dejjem.
Għalhekk il-Mulej jitlaqhom
sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas;
imbagħad il-bqija ta’ ħutu
jerġgħu lura fost ulied Iżrael.
U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu
bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu.
U huma jgħammru fiż-żgur,
għax issa tkun kbira setgħetu,
sa trufijiet l-art.
U dan ikun is-sliem!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 79(80):2aċ,3b,15-16,18-19

R/.(4): Mulej, itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.

O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi.
Qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana. R/.

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. R/.

Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek. R/.

Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.
Lhud 10:5-10

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, Kristu meta daħal fid-dinja qal:
“Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx,
imma ġisem int ħejjejt għalija;
vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet
lilek ma għoġbukx.
Jien imbagħad għedt:
‘Hawn jien, ġejt
biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla,
kif fil-ktieb hemm miktub fuqi’”.

L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk”, għalkemm dawn titlobhom il-Liġi. Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”. B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel biex iqiegħed flokhom tat-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 1:38

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:
ħa jsir minni skont kelmtek!
R/. Hallelujah.

U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?
Lq 1:39-45

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

L-Evanġelju llum jippreżentalna laqgħa bejn erba’ persuni … iva erbgħa: żewġ ommijiet (Marija u Eliżabetta) u żewġ ulied (Ġwanni u Ġesù). Hija laqgħa tant mistennija, laqgħa ta’ ferħ, laqgħa tant mixtieqa. Il-wegħdiet ta’ Alla kienu qed iseħħu tassew, kif ilissen Żakkarija fil-kantiku tiegħu: Alla ta’ Iżrael “ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.”

Fil-vjaġġ tagħha għal għand Eliżabetta, Marija ma kinitx weħidha. Fi ħdanha kienet qed iġorr lill-Iben ta’ Alla. U hekk kif Eliżabetta semgħet it-tislima ta’ Marija, Ġwanni qabeż bil-ferħ f’ġuf Eliżabetta. Iż-żewġ nisa kienu qed iġorru l-wegħdiet ta’ Alla. Iż-żewġ nisa kienu qed iġarrbu bl-iktar mod konkret it-twettiq ta’ dawn il-wegħdiet. Iż-żewġ nisa

– ltaqgħu mal-Messija qabel ma rawh b’għajnejhom,
– ħassew il-ferħ tiegħu qabel ma semgħuh jitkellem,
– ġarrbuh b’tant intimità qabel ma ltaqgħu miegħu wiċċ imb wiċċ.

Tassew hienja dawk li jemmnu li jseħħ kulma bagħat jgħidilhom il-Mulej!

L-Avvent huwa żmien l-istennija… huwa ż-żmien fejn ix-xewqat jitwettqu tassew, mhux fir-rigali li aħna nixtru lil xulxin. Dawk ma jaqtgħux l-għatx.

L-Avvent huwa żmien il-ferħ… huwa ż-żmien fejn l-hena nġarrbuh fina nfusna, mhux barra minna fil-parties u t-tlellix ta’ barra. Dawk iħallu iktar vojt.

L-Avvent huwa żmien it-tama… huwa ż-żmien fejn il-wegħdiet jilħqu l-milja tagħhom, mhux fir-riżoluzzjonijiet li aħna nagħmlu magħna nfusna. Dawk malajr itiru mar-riħ.

Imma….

L-Avvent huwa żmien l-istennija għax ix-xewqa li aħna niltaqgħu wiċċ imb wiċċ mal-Mulej isseħħ tassew kull meta naqsmu dak li aħna mal-oħrajn—bħalma għamlet Marija li, minkejja li tqila, marret iżżur lil Eliżabetta.

L-Avvent huwa żmien il-ferħ għax lil Ġesù nġorruh fina kull meta nirċevuh fl-Ewkaristija—bħalma ġarritu Marija f’ġufha.

L-Avvent huwa żmien it-tama għax Alla jżomm kelmtu magħna—bħalma żamm kelmtu ma’ Eliżabetta, ma’ Marija u mal-poplu Lhudi.

Talba

Ġesù, bħal Marija fi triqtha lejn Eliżabetta, jien ukoll għadni ma rajtekx wiċċ imb wiċċ. Imma…

– nixtieq narak fil-proxxmu, speċjalment f’dawk li tant insibha diffiċli magħhom,

– nixtieq inħoss il-ferħ meta nagħti lili nnifsi lill-oħrajn, speċjalment meta nħossni inutli,

– nixtieq inġarrbek b’tant intimità meta bħal Marija nħallik tagħmel minni skont kelmtek.

Ammen.

The post Stennija, ferħ, tama appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.