It-Tielet Ħadd Matul is-Sena Ċ
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxi l-għemil tagħna skond ir-rieda tiegħek, biex, f’isem Ibnek l-għażiż, inkattru l-għemejjel tajba tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Mit-Tielet Ħadd ta’ Matul is-Sena nibdew il-qari kontinwu tal-Evanġelju skont San Luqa li jwassalna sa qabel nibdew ir-Randan u mbagħad nerġgħu nkomplu wara Żmien l-Għid. Evanġelju li jibda billi jintroduċi l-għan li għalih l-evanġelista Luqa qiegħed jikteb dan ir-rakkont bir-reqqa: sabiex iwassal għall-verità lil min qed jaqrah. Ukoll, f’dan il-Ħadd iddedikat lill-Kelma ta’ Alla, dan l-Evanġelju joffrilna perspettiva li minnha għandna nersqu lejn il-Kelma ta’ Alla aħna u nieqfu biex nirriflettu dwar ir-rabta tagħna magħha.
L-ewwel nett, il-Kelma li Kristu jħabbar hija kelma ta’ ħelsien: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi … Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin.” Ħelsien li jmissna fid-dgħufija tagħna. Isaija f’dik il-profezija jsemmi l-faqar, in-nuqqas ta’ dawl, il-moħqrija. Il-Kelma ta’ Alla troddilna l-ħelsien mhux għax tħallina nagħmlu li rridu jew għax issaħħaħna fl-għemil ħażin tagħna, imma għax tmissna hemm fejn aħna l-iktar dgħajfin, fejn inħossuna bla ħila, fejn nagħrfu li waħedna ma nistgħux naslu, fejn għandna bżonn il-qawwa ta’ Alla biex niksbu l-libertà sħiħa, biex inkunu nistgħu nikbru ħalli nsiru tassew min aħna msejħin inkunu.
Imma biex nagħmel din l-esperjenza, jeħtieġ li bħal dik il-folla fis-sinagoga jkollna għajnejna msammrin fuq Ġesù. Fil-Bibbja aħna ma niltaqgħux biss ma’ ktieb oħxon u forsi wkoll tqil biex tifhmu u tgħixu; ma niltaqgħux ma’ sempliċi biċċa letteratura jew ma’ rakkonti mill-passat, imma niltaqgħu ma’ persuna ħajja—Ġesù Kristu—li bħalma ħabbar b’fommu stess elfejn sena ilu, hekk għadu jagħmel illum ukoll. Fil-liturġija Mqaddsa, meta jinqara l-Evanġelju, aħna mhux biss nisimgħu bil-fama ta’ Ġesù, imma nisimgħu lil Kristu nnifsu għax huwa Kristu li qed iwasslilna l-Kelma tiegħu; huwa Kristu li qed jiġi jiltaqa’ magħna, fil-komunità tagħna, biex iroddilna l-ħelsien … illum: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” Dawk l-affarijiet li nisimgħu fil-Kelma ta’ Alla jseħħu llum ukoll jekk nagħtuh il-wisa’.
Talba
Mulej, aħna u nħallu l-Kelma tiegħek tinfed ’il-qlub tagħna, it-talba tagħna llum hija talba għall-ħelsien: li qalbna tkun ħielsa minn dak kollu li qiegħed iżommha milli tilqa’ l-Kelma tiegħek; milli tħalli l-Kelma tiegħek twettaq bidla fina; milli tħalli l-Kelma tiegħek tagħmilna tassew ulied liberi li jgħixu fl-imħabba u mhux fil-biża’ jew fl-illużjoni. Ammen.
The post Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin appeared first on Behold.
Ikkummenta