Il-Magħmudija tal-Mulej – Sena Ċ
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu, u int, b’leħen setgħani, għarraftna li hu Ibnek l-għażiż; agħmel li l-ulied adottivi tiegħek, li ħadu twelid ġdid mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, jibqgħu jgħixu sal-aħħar kif jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
L-Evanġelju tal-lum jiftaħ bid-deskrizzjoni tal-poplu Lhudi ħerqan jistenna l-Messija. Bdew jaħsbu li ser jasal l-punt li fih Ġwanni jneħħi l-ilbies ta’ miġnun li kellu fuqu u fl-aħħar ixidd l-ilbies ta’ sultan gwerrier. Iżda hu jwissihom li hu mhuwiex il-mistenni imma għadu jrid jasal. U meta jasal ikun permezz ta’ Ġwanni li l-Mulej jintwera lill-poplu. Imma l-wirja tal-qawwa ta’ Alla u l-glorja tiegħu ma tidhirx b’kurazza jew b’kuruna, imma permezz ta’ bniedem komuni li jinżel fix-xmara bħall-bqija biex jitgħammed b’magħmudija li kienet għall-midinbin biex jinħafrulhom dnubiethom (jiġifieri proprjament ma kinetx tgħodd għalih). U xħin jitla’ mill-ilma tidher il-glorja kollha ta’ Alla, però mhux kif kien qed jistennieha l-poplu. Il-glorja ta’ Alla tidher billi dan il-bniedem komuni jiġi muri bħala l-Iben għażiż tal-Missier li fih isib l-għaxqa tiegħu.
Spiss fil-ħajja nsibu ruħna nistennew: nistennew f’xi kju l-bank jew uffiċċju; nistennew biex inħallsu għand tal-ħanut; nistennew l-aħħar tax-xahar biex tidħol il-paga jew il-penzjoni; nistennew il-kontijiet (ovvjament mhux bl-istess ħerqa li biha nistennew il-paga); nistennew li jgħaddilna meta nkunu morda jew nistennew xi riżultat u nittertqu sakemm jasal … L-istennija hija parti mill-ħajja umana tagħna mmarkata mil-limitu taż-żmien u l-ispazju, u allura li mhux kollox jista’ jkun għandi issa u hawn kif tipprova tilludina l-kultura.
Dan is-sens ta’ stennija huwa fundamentali għan-natura tagħna l-bnedmin: aħna ħlejjaq li jistennew xi ħaġa. Hija marbuta mad-dimensjoni spiritwali tagħna, u nibdew nitmewtu kemm fil-ġisem kif ukoll fir-ruħ meta nieqfu nistennew, meta ma jkun hemm xejn għal xiex inħarsu ’l quddiem. U allura, minkejja li Żmien l-Avvent għadda u għadda wkoll il-Milied, il-ħajja tagħna tibqa’ xorta waħda mmarkata mill-istennija.
Id-differenza għalina li rċevejna l-Magħmudija hija li nafu x’qegħdin nistennew. B’differenza mill-magħmudija ta’ Ġwanni, il-Magħmudija tagħna mhux biss ħelsitna mid-dnub, imma l-Magħmudija tagħna hija wkoll bħal dik ta’ Ġesù: aħna fil-Magħmudija sirna wlied maħbubin tal-Missier li fina jsib l-għaxqa tiegħu, mhux għax aħna perfetti imma għax fina jara lill-istess Ibnu.
U l-istennija tagħna, issa li minn għada nibdew iż-Żmien ta’ Matul is-Sena, hija t-tensjoni biex ngħixu ta’ wlied maħbubin tal-Missier sakemm lil dan il-Missier narawh wiċċ imb wiċċ; l-istennija bieżla mmarkata mill-isforz biex fina jidher iktar ix-xebh ma’ Ġesù u allura fina l-Missier ikun iktar jista’ jara lil Ġesù u jitgħaxxaq bih; l-isforz kontinwu biex ma nibqgħux staġnati imma nħallu jiġġedded fina d-don tal-Ispirtu, li ma jiskadix imma hemm ir-riskju li nagħlquh ġo gaġġa u ma nħalluhx jiftaħ ġwenħajh u jmexxina lejn fejn irid hu.
Talba
Mulej Ġesù, kemm drabi nsib ruħi nistenna u meta nikseb dak li qed nistenna dlonk nerġa’ nibda nistenna dak li jmiss. Agħmel li f’din l-istennija kontinwa niftakar li ħajti kollha hija din l-istennija ħawtiela u tensjoni attiva. Fakkarni li inti dħalt fil-kju wkoll sabiex jiena nista’ nkun u ngħix ta’ iben maħbub, bint maħbuba tal-Missier. U, flok niddispra nistenna, agħmel li miegħek nitgħaxxaq bil-Missier waqt li nagħraf li hu jitgħaxxaq bija għax jien xbieha tiegħek, Ibnu li sirt bniedem u miet għalija.
The post Fik sibt l-għaxqa tiegħi appeared first on Behold.
Ikkummenta