It-Tieni Ħadd Matul is-Sena Ċ
Kolletta
O Alla ta’ setgħa bla tarf, li taħkem fuq kollox, fis-sema u fl-art, isma’ bit-tjieba t-talb tal-poplu tiegħek, u agħtina l-paċi fi żmienna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
Għalkemm mit-Tnejn li għadda bdejna ż-żmien ta’ Matul is-Sena, però fit-Tieni Ħadd it-tema xorta waħda tibqa’ dik tal-Epifanija—ta’ Alla li juri ruħu lilna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu.
Ġesù kien beda jsejjaħ lid-dixxipli biex jimxu warajh. Dawn telqu kollox meta semgħu lil Ġwanni l-Battista jgħid li dan hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.
Kien mistieden għal tieġ f’Kana. Ommu wkoll kienet mistiedna. L-Evanġelista San Ġwann jagħti importanza kbira lis-siegħa ta’ Ġesù. Ġesù kien konxju li meta tgħammed fil-Ġordan, il-Missier kien kellmu u dilku bl-Ispirtu s-Santu biex jibda l-missjoni tiegħu ta’ Messija. Imma kien qed jistenna dik li hu stess isejħilha s-siegħa tiegħu. Kien konxju li din is-siegħa tfisser għalih il-mewt, meta hu jissagrifika ħajtu (il-Ħaruf sagrifikali) għas-salvazzjoni u għall-ħelsien tal-bnedmin kollha.
Donnu kien qed jistenna sinjal speċjali.
Ommu wrietu li l-mument kien wasal. Meta jagħmel l-ewwel miraklu, l-ewwel sinjal li hu l-Messija ta’ Alla, dak hu l-mument meta l-pjan ta’ Alla għalih jibda joqrob jgħaġġel. U hekk id-dixxipli emmnu fih. Hu wera min hu: il-Messija ta’ Alla—l-Iben ta’ Alla mibgħut biex jerfa’ d-dinjità tal-bnedmin għad-dinjità ta’ wlied Alla.
Talba
Missier, kemm ħabbejtna! Nitolbuk bil-qawwa tal-isem ta’ Ġesù biex tbiddel l-ilma ta’ ħajjitna fl-inbid tiegħek. Għinna nagħrfu f’Ġesù l-uniku Mulej li jagħtina l-ħajja sopranaturali, li jurina t-triq li twassalna għandek.
Mulej Ġesù, nistqarru li nemmnu fik u li rridu nkunu dixxipli tiegħek. Grazzi, Mulej.
The post L-ewwel wieħed fost is-sinjali appeared first on Behold.
Ikkummenta