Is-Sitt Ħadd Matul is-Sena Ċ
Kolletta
O Alla, inti tajtna kelma li tagħmel l-għamara tiegħek fir-ruħ sewwa u safja; agħmel li, bil-grazzja tiegħek, jistħoqqilna li tgħammar fina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Il-Kelma ta’ Alla li nisimgħu fis-Sitt Ħadd Matul is-Sena hija messaġġ ta’ hena, ta’ ferħ li jurina liema hi l-aħjar triq li twassal għall-istess hena li l-bniedem bla waqfien ifittex tul ħajtu kollha. U din it-triq li rridu nimxu biex insibu dan l-hena mhijiex it-triq li aħna mdorrijin nimxu, imma hija t-triq li l-Mulej Ġesù jurina fil-beatitudnijiet.
Kif josserva San Ambroġ, dawn il-barkiet f’San Luqa huma kompendju tal-istess diskors tal-muntanja li jinqara iktar fit-tul f’San Mattew. San Luqa, li kiteb għal dawk li ma kinux Lhud, kellu bilfors iħalli barra dak li ma kienx jinftiehem ħlief mil-Lhud. Filwaqt li San Mattew għaqqad f’diskors wieħed ħafna tagħlim ta’ Ġesù li qal f’ċirkostanzi differenti, San Luqa għandu ħafna biċċiet ta’ tagħlim imxerrdin mal-Evanġelju kollu.
Ir-rakkont tal-lum jibda proprju b’Ġesù li, minn fuq il-għolja fejn qatta’ l-lejl fit-talb u wara għażel lit-Tnax, jinżel fil-wita. Tidher il-popolarità li kien qed jikseb Ġesù. In-nies kienu mġenna warajh, dejjem imxenqin li jisimgħuh u jitfejqu mill-mard. Kienu jiġu mill-Palestina kollha.
U “Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu …” Il-versi tal-beatitudnijiet joħorġu mill-ħarsa lejn id-dixxipli u jiddeskrivu l-qagħda tagħhom. Huma foqra, bil-ġuħ, jibku, jobogħduhom u jippersegwitawhom. Huma maħsuba biex jikkwalifikaw lil dawk li jimxu wara Ġesù.
Fl-ewwel barka, huma l-foqra li tagħhom hija s-Saltna ta’ Alla. Hu inkluż il-faqar kollu: dak soċjali, dak ta’ dawk li huma emarġinati, ta’ dawk li jsofru s-solitudni, u l-kumplament. L-istess huma henjin dawk li bħalissa għadhom il-ġuħ għax, fil-futur, ser ikunu mxebbgħin.
Fit-tielet barka, dawk li jibku għax jirċievu azzjonijiet ħżiena, għax minsija minn dawk li għalihom taw ħajjithom, għax imwarrbin u m’għandhomx vuċi, dawn ukoll se jkunu henjin. L-aħħar hena hu għal dawk li huma insultati u ddisprezzati: Ġesù b’entużjażmu liema bħalu jħeġġiġhom u jinkoraġġihom biex jaqbżu bil-ferħ għax il-premju taħghom se jkun kbir fis-sema.
Imbagħad Ġesù jaqleb għall-kundanni. Aktar minn kollox, meta jgħid kliem ta’ gwaj, Ġesù qiegħed jgħidu iktar b’karba ta’ dispjaċir għal dawk li jafdaw fihom infushom. U meta jsemmi l-għonja, Ġesù jħoss dieqa għal dawk li jikkalpestaw id-dinjità tal-persuna l-oħra. Huwa gwaj għal dawk li jumiljaw lil oħrajn billi jħalluhom bil-ġuħ. L-istess jgħodd għal dawk li jirredikolaw persuni oħra jew iqisuhom ta’ klassi inferjuri għalihom.
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù qed jagħmlilna stedina biex nagħżlu t-triq li twassalna għall-hena li jibqa’, imqar jekk din it-triq, fil-preżent, tista’ tiswielna tbatija, qsim il-qalb, tgħajjir u mibegħda. Ġesù wkoll jiftħilna għajnejna biex noqogħdu attenti li ma naqbdux it-triq li turina d-dinja.
Talba
Ġesù, ħa tiftħilna qalbna l-Kelma tiegħek u ddawwalhielna bil-valuri u l-ideali li wrejtna llum fid-diskors tiegħek. Għinna niskopru x’hemm tassew fil-qalb tagħna. Agħtina qalb ġdida, imsoffija mill-egoiżmu, mill-kburija, mill-ħakma fuq l-oħrajn, mill-pjaċiri tas-sensi u l-kilba għas-suċċessi, sabiex niksbu l-hena li jimla tassew il-qalb tagħna.
The post Henjin intom appeared first on Behold.
Ikkummenta