It-Tmien Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena Ċ
Kolletta
Agħtina, Mulej, li d-dinja timxi skont l-ordni tiegħek għall-paċi tagħna, u li Knisja tqimek ferħana fis-sliem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Għat-tielet ġimgħa konsekuttiva, Ġesù qiegħed joffrilna kliem mimli għerf u sfidi qawwija, kliem li jgħinna nsiru bnedmin ġodda, ġaladarba nitolbu fuqhom bis-serjetà, inħalluhom jisfidawna, inħalluhom ikunu dawl li jgħinna niskopru mill-ġdid il-fidi tagħna u l-imħabba vera. Bħal dejjem, dan kollu huwa proċess. F’kull proċess hemm skoperti, uħud sbieħ, oħrajn inqas feliċi—jekk dawn ma naħkmuhomx sew, faċilment jistgħu jġibu konsegwenzi koroh fuqna nfusna u fuq l-oħrajn.
Nistgħu ngħidu li lkoll aħna għomja sakemm nibqgħu naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor u dejjem għandna raġun. Tajjeb li ma nippruvawx niggwidaw lill-oħrajn qabel ma ngħarblu lilna nfusna b’mod serju.
Min jaħdem ma’ Ġesù Kristu u għal Ġesù Kristu jrid ikun lest għal kollox, sew għaċ-ċapċip u sew għal min iċapċaphielu. Hekk għamlu lill-Imgħallem tagħna! Din mhix kwistjoni ta’ biża’, imma hija l-isfida qawwija tal-intenzjoni retta: Għal min qed naħdem? Għalxiex qed naħdem?
Jekk it-tibna f’għajn ħuk qed iddejqek dan forsi għaliex qed tindikalek dawk id-difetti li hemm moħbija fik (travi kbar) li ilek żmien twil tgħattihom billi tipponta jew tikxef it-tibna ta’ ħuk?
Mhumiex biss l-affarijiet esterjuri li jtellfu l-mixja tal-fidi tan-Nisrani, li jiddistrattawna jekk nagħtuhom prijorità. Li jfarrak lill-bniedem huma l-affarijiet li ġejjin minnu nnifsu. Dawn jagħmluna skomdi magħna nfusna, u din l-istess skumdità, flok ma nippruvaw naħkmuha b’talb, pariri siewja, riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla, u billi nersqu lejn is-Sagramenti, inġibu l-iskuża li m’għandniex ħin għalihom. Allura x’nagħmlu? Nagħmlu l-aktar ħaġa faċli, imma degradanti: li nipproġġettawhom fuq ħaddieħor b’ħafna preġudizzji, b’ħafna kliem fil-vojt, billi ninħbew wara skrin u niktbu dak li jfettlilna, mingħajr ma jimpurtana lil min qed iweġġgħu. “Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.” Altru li għandu biex jisfidana l-Evanġelju tal-lum!
Meta kien l-aħħar li għamilt b’serjetà eżami tal-kuxjenza?
Meta kien l-aħħar li ffaċċjajt bis-serjetà l-iskumditajiet li hemm ġo fik u ppruvajt taħkimhom?
Meta kien l-aħħar li ftakart li Alla jħobbok u jridek aħjar milli inti? Mela, tibżax tħallilu post f’ħajtek, tibżax tafdah totalment?
Talba
Mulej Ġesù, inti qomt mill-mewt għalina sabiex minna tagħmel bniedem ġdid. Għinna nagħrfu tassew min aħna. Agħtina l-kuraġġ li niffaċċjaw l-iskumditajiet tagħna sabiex, miegħek u permezz tiegħek, insiru bnedmin ġodda mimlijin fidi u mħabba ġenwina. Ammen.
The post It-travu li għandek f’għajnek int appeared first on Behold.
Ikkummenta