Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan – Sena Ċ
Kolletta
O Alla, int b’mod tal-għaġeb terġa’ tħabbeb miegħek lill-bniedem permezz tal-Verb tiegħek; agħmel li l-poplu nisrani jitħejja b’qima kbira u fidi mħeġġa biex jiċċelebra l-festa solenni tal-Għid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni għar-Raba’ Ħadd tar-Randan
Illum il-qari tal-Evanġelju jibda billi jurina t-tenerezza u s-sensittività ta’ Ġesù lejn il-pubblikani u l-midinbin u l-emarġinati tas-soċjetà. U din l-attitudni u preferenza tikkuntrasta sew ma’ dawk tal-kittieba u l-Fariżej li bl-ebda mod ma setgħet tinżlilhom immaġni ta’ Alla li jħenn u jagħder daqshekk lil min jikser il-liġijiet u l-kmandamenti tiegħu, aħseb u ara ta’ Rabbi li jemmen f’din l-immaġni u jwassalha fil-predikazzjoni u l-ġesti kollha tiegħu.
Kull persuna tixtieq u tieħu pjaċir meta ssib min jagħdirha, jaħfrilha, jagħtiha ċans ieħor, u ma jiġġudikahiex, kien x’kien il-passat tagħha u għamlet x’għamlet. Imma llum Ġesù jfakkarna b’mod qawwi ħafna, permezz tal-parabbola tal-Iben il-Ħali—jew aħjar tal-missier iktar ħali minn ibnu fl-imħabba li kellu lejh—li dak li nixtiequ li nirċievu jeħtieġ li l-ewwel noffruh aħna lill-oħrajn. U dan isir biss possibbli meta nesperjenzaw wiċċ il-Mulej kollu ħniena u kompassjoni lejna, u nimtlew b’sens kbir ta’ gratitudni u umiltà għal dak kollu li għamel magħna. Meta aħna nagħrfu l-iben iż-żgħir ta’ ġo fina u nesperjenzaw l-imħabba bla tarf tal-Missier fil-modi konkreti kif din tasal u titlaħħam f’ħajjitna, imbagħad jirnexxilna ma nkunux l-iben il-kbir li ħalla l-għira għal ħuh iż-żgħir tirbħu minflok ma mtela bil-gratitudni lejn missieru għal dak kollu li kellu. Meta nagħrfu tabilħaqq is-sejħa, ir-responsabbiltà, u l-identità li rċivejna fil-Magħmudija biex bħal Ġesù nkunu profeta, qassis u sultan, inħossuna tant grati lejn il-Missier li jħobbna li lanqas biss tgħaddilna minn moħħna li nippuntaw subgħajna u niġġudikaw lil ħaddieħor, imma qalbna mfawwra bl-imħabba u l-ħniena ta’ Alla tkun trid taqsamhom ma’ ħaddieħor, anki jekk ikun hemm prezz ftit għoli x’jitħallas.
Jekk naraw ġewwa fina il-pubblikan u l-midneb, li jesternaw ruħhom f’tant modi u forom, u nagħmlu l-kuraġġ biex nersqu lejn il-Missier, l-Abba li jħobbna personalment, l-iben il-kbir ta’ ġo fina ma jkunx hemm postu aktar. Nistgħu nimmaġinaw familja, grupp ta’ nies, komunità ta’ fidi, anki soċjetà inġenerali, fejn ħadd ma jiġġudika u jikkundanna lil ħadd, imma kull persuna tfittex biss il-ġid tal-oħra u tasal tmur barra minn triqtha biex twettaq dan il-ġid? F’dawn l-ambjenti ssir ħafna aktar faċli biex il-Missier isib in-nagħaġ il-mitlufa, għax jiġri warajhom permezz tiegħek u tiegħi, permezz tad-doni li żejjinna bihom.
Talba:
Missier Qaddis, grazzi ta’ kull don u sejħa u stedina li għamiltilna u tibqa’ tagħmlilna, anki meta niġru ’l bogħod minnek. Nitolbuk issaffi lil qalbna minn kull spirtu ta’ għira, u timliena bl-Ispirtu Qaddis tiegħek li jħeġġiġna biex niġru wara dawk li huma ’l bogħod minnek, biex nuruhom il-ħniena u l-kompassjoni tiegħek. Ħalli l-Ispirtu jdawwalna biex insibu dejjem modi ġodda ta’ konverżjoni profonda tal-qalb, għalina nfusna u għal dawk kollha li jmissu magħna. Agħmilna strumenti tiegħek u f’idejk biex inwasslu l-fejqan, noffru tama, u nixhdu għall-imħabba tiegħek li twassalna fl-eternità. Ammen.
The post Il-Missier li jersaq appeared first on Behold.
Ikkummenta