Il-Ħames Ħadd tal-Għid
Kolletta
O Alla, int tajtna l-fidwa u għamiltna wlied adottivi tiegħek; ħares bit-tjieba lejn l-ulied għeżież tiegħek, biex dawk kollha li jemmnu fi Kristu jkunu ħielsa tassew u jiksbu l-wirt ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio fuq l-Evanġelju tal-5 Ħadd tal-Għid b’mistoqsijiet għar-riflessjoni
Ġw 13, 31-33a.34-35
Dan id-diskors isib it-tmiem tiegħu fit-talba li għamel Ġesù fiċ-Ċenaklu qabel ma ħareġ fil-Ġnien u Ġuda ġab l-għassiesa biex jarrestawh (skont San Ġwann). U f’dik it-talba, Ġesù jitlob għall-għaqda intima tad-dixxipli tiegħu bl-istess intensità li teżisti fl-għaqda intima bejn il-Missier u l-Iben. U Ġesù jgħid li jrid li d-dixxipli tiegħu jduqu l-istess imħabba li l-Missier iħobb lilu biha! Din hi l-glorja tal-Missier u tal-Iben.
Xi mħabba qed jitkellem dwarha? U għaliex Evanġelju bħal dan intgħażel fi żmien l-Għid?
L-imħabba li jrid li d-dixxipli jkollhom għal xulxin hi l-istess imħabba li hu għandu għalihom. Bħala dixxipli, Ġesù jikkmanda lilna wkoll biex inħobbu lil xulxin bl-istess imħabba. Imma dan il-Kmandament mhux xi liġi. Ħadd ma jista’ jobbliga lil ħadd biex iħobb. Min għandu l-esperjenza tal-imħabba ta’ Ġesù jħobb mingħajr sforz lil ħutu. L-imħabba hi naturali daqskemm l-għeneb hu frott naturali tad-dielja.
Inti tħalli lilek innifsek tkun maħbub minn Ġesù?
Stramba l-mistoqsija hux? Imma ħafna nsara ma jagħtux lilhom infushom iċ-ċans li jħallu lil Ġesù jħobbhom. Moħħhom biss biex jaħdmu. L-appostolat hu importanti basta ma jsirx l-iskop ta’ ħajjitna. Qed tħalli ħin għalik u għalih biex tkunu waħedkom, tisma’ u twieġeb? L-esperjenza ta’ Ġesù bħala Mulej mhix biss stqarrija ta’ fidi. Hi esperjenza!
Il-Knisja hi magħmula mid-dixxipli ta’ Ġesù. Kull waħda u kull wieħed maħbubin minnu, ħbiebu.
Inti kif qed tħobb lid-dixxipli l-oħra? Xi mħabba qed taqsam magħhom? Hi mħabba li tirrifletti li Ġesù ħasillek saqajk?
“Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”
Talba
Mulej, iżra’ fil-qalb tiegħi l-istess imħabba ta’ bejnek u bejn il-Missier u agħmel li nħallik tħobbni tassew.
The post Bħalma ħabbejtkom jien appeared first on Behold.
Ikkummenta