Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, Appostli
Kolletta
Nitolbu. O Alla, int timliena b’ferħ qaddis f’dan il-jum ta’ festa solenni f’ġieħ l-Appostli San Pietru u San Pawl; agħmel li l-Knisja tiegħek timxi dejjem fuq it-twissijiet tagħhom kif bihom in qegħedt fiha s-sisien tar-reliġjon. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Ir-rakkont tal-primat ta’ Pietru bħal donnu jieħu tifsira iktar qawwija hekk kif ilkoll kemm aħna għadna kif assisstejna għall-għażla ta’ papa ġdid—Papa Ljun XIVIs-silta hija ambjentata fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu fejn Ġesù jagħmel żewġ mistoqsijiet lid-dixxipli tiegħu:
– “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-Bniedem?”
– “Imma intom min tgħidu li jien?”
Kieku Ġesù kellu jistaqsini l-istess żewġ mistoqsijiet u kieku kelli nittraduċihom għal-lingwaġġ tal-lum, kieku naħseb li nittraduċihom b’dan il-mod:
– “X’taf fuqi, x’qalulek l-oħrajn fuqi?
– “Imma jien, min jien għalik?”
L-ewwel mistoqsija tindirizza lil moħħi; it-tieni tipponta lejn qalbi. Biex inwieġeb l-ewwel mistoqsija nista’ noħroġlu ċ-ċertifikati kollha li għandi, it-teoloġija u l-filosofija kollha li studjajt … iżda dawn xejn ma jgħoddu bħala tweġiba għat-tieni mistoqsija. Pietru, sajjied li l-Mulej sejjaħlu minn ma’ xatt il-baħar, għaraf iwieġeb it-tieni mistoqsija mhux minħabba xi għerf li kiseb, imma għax għamel l-esperjenza ta’ Ġesù … iltaqa’ miegħu b’mod personali … ġarrbu f’ħajtu. U din il-ħaġa Ġesù stess jikkonfermaha: “mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.” It-tweġiba ta’ Pietru għandha l-għeruq tagħha msenslin f’esperjenza divina. U, propju minħabba dawn l-għeruq fil-fond, li l-intimità bejn “Bin Alla l-Ħaj” u “bin Ġona” tittrasforma lil Xmun f’Pietru. Baqa’ bil-karattru żbukkat tiegħu, baqa’ spontanju u jistaqsi fejn ma jifhimx … imma fuq din il-blata l-Mulej għoġbu jibni l-Knisja tiegħu. Lilu l-Mulej għoġbu jafdalu missjoni ġdida. Xorta ħallih sajjied … imma issa tah sajda differenti: dik tal-bnedmin.
L-stess ġara ftit iktar minn xahar ilu fil-Kappella Sistina. U l-istess għadu jiġri lili u lilek kull darba li nazzardaw nitilqu t-tmun f’idejh, kull wieħed skont is-sajda tiegħu.
Talba
Missier, in-nies jgħidu ħafna xorti fuqek … kemm affarijiet sbieħ u kemm koroh. Jgħidu li int ħlaqt kollox, li inti twajjeb. Oħrajn jgħidu li inti trux u inġust.
U xi drabi naqbel magħhom ukoll.
Imma fil-fond ta’ qalbi naf li, fittixt kemm fittixt, bħalek ma sibtx. Il-ferħ tiegħek ma jitqabbel ma’ xejn. Inti Dak li tagħti sens lil ħajti, anke meta ma naqbilx miegħek, anke meta ma nifhmekx, anke meta nħossok titlob minni affarijiet tqal. Ġarrabtek … u għalhekk inti Dak li ma ħallejtnix iktar Xmun. Biddiltni f’Pietru.
Ibqa’ miegħi għax jiena fraġli u niżbalja. Is-sajda f’idejk. Jiena biss se nkala x-xbiek. Ammen.
The post Intom min tgħidu li jien? appeared first on Behold.
Ikkummenta