Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes
Kolletta
Nitolbu. O Alla, int ridt li Ibnek il-waħdieni jieħu l-mewt tas-salib biex isalva l-bnedmin; agħmel li, kif għarafna l-misteru tiegħu fuq l-art, hekk jistħoqqilna niksbu fis-sema l-frott tal-fidwa li tana Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Għall-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, il-Knisja tippreżentalna s-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann li tkellimna dwar l-imħabba ta’ Alla għad-dinja, kollha kemm hi. Tabilħaqq, is-Salib huwa simbolu ta’ tbatija. Iżda, għalina l-Insara, is-Salib huwa simbolu tal-imħabba ta’ Alla: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (v.16). B’dan il-kliem, l-Evanġelista jinsisti li r-raġuni tal-inkarnazzjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu hija l-imħabba, u proprju dan li qed niċċelebraw illum: ix-xhieda ta’ mħabba li Ġesù wera lejna meta ta ħajtu għalina fuq is-Salib Imqaddes.
Il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib tfakkarna fl-umiltà, fiċ-ċokon, u fl-ubbidjenza, li wasslu lil Ġesù sat-tron tas-Salib. Il-Mulej Ġesù m’għażilx is-salib bħala skop fih innifsu, iżda, biex iwettaq ir-rieda talMissier, “obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8). Minn fuq is-salib, Sidna Ġesù Kristu ta ħajtu biex jiksbilna tama u ħajja ġdida. Minn fuq l-istess salib Sidna Ġesù Kristu kien merfugħ ’l fuq fil-glorja tal-Missier.
U aħna kif inħarsu lejn is-salib, li, irridu jew ma rridux jiġi fuqna fil-ħajja? Tassew li s-Salib spiss jitfagħna fid-dlam, u xi drabi nħossuna abbandunati. Iżda, is-Salib jista’ jkun għalina grazzja, mezz li jgħinna nissaffew mill-imħabba tagħna nfusna biex noħorġu fid-deher ix-xbiha ta’ Alla li hemm fina. Dan nagħmluh meta nilqgħu s-salib bil-fidi u s-sabar, u nagħrfu ngħaqqdu t-tbatija tagħna ma’ ta’ Kristu.
Il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib tħeġġiġna sabiex naduraw u nżommu ħarsitna fuq Kristu, merfugħ ’l fuq, “biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (v.15). Kif jgħidilna San Pawl: “Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla” (1 Kor 1, 18).
Talba
Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Tifħir il-Mulej ixandar fommi;
u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu
għal dejjem ta’ dejjem! (Salm 145, 1-2. 21)
The post Ċekken lilu nnifsu; għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet appeared first on Behold.
Ikkummenta