avvizi parrocca

Avviżi – 22.02.2026

Avviżi – 22.02.2026  –  L-1 Ħadd tar-Randan

  1. Fil-korsija tal-Knisja ngħata bidu għaż-żebgħa u għalhekk mit-Tnejn sas-Sibt filgħodu l-quddies kollu se jiġi ċċelebrat fiċ-Ċentru Parrokkjali. Il-Ġimgħa filgħodu jsir il-ħasil tal-Knisja, b’dawk li jistgħu jagħtu daqqa t’id mistiedna jkunu hawnhekk għall-ħabta tat-8.00am. Is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd l-quddiesa jsir normali fil-Knisja Arċipretali. Nirringrazzjaw mill-ġdid lil dawk kollha li qed jgħinu b’mod volontarju fix-xogħol u fit-tindif u b’donazzjonijiet.
  2. It-Tlieta 24/02:
    • Fid-9.30am jiltaqa’ l-Grupp tan-Nisa ‘Magnificat’ fiċ-Ċentru Parrokkjali.
  3. L-Erbgħa 25/02:
    • Mill-4.00pm sas-6.30pm – L-Għaqda Kompensatriċi se torganizza irtir għal kulħadd fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ San Pawl, ir-Rabat. Min jixtieq jattendi, jinkiteb fis-sagristija sal-lum.
  4. Il-Ħamis 26/02:
    • Fis-7.00pm ikollna mument ta’ adorazzjoni fiċ-Ċentru.
  5. Il-Ġimgħa 27/02:
    • B’rabta mal-10 dehra tal-Madonna ta’ Lourdes, il-parroċċa ġiet mistiedna mill-Patrijiet Kapuċċini għal mument ta’ talb u quddiesa fil-kappella ddedikata lilha fil-Floriana. Għal min jixtieq ser ikollna transport li jitlaq minn Ħad-Dingli fil-5.15pm. Min hu mħajjar jiġi għandu jinkiteb fis-sagristija sa nhar l-Erbgħa 25/02.
  6. Is-Sibt 28/02:
    • Mis-7.00pm ’il quddiem – Il-Kor ‘Regina Coeli’ tal-Parroċċa tagħna ser jieħu sehem f’festival tal-Korijiet li ser jittella’ fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar. Min jixtieq jattendi jista’ jinkiteb fis-sagristija sal-Ħamis 26/02 biex jingħaqad fit-trasport li ser ikun ipprovdut.
  7. Avviżi tar-Randan:
    • It-tema li għażlet il-parroċċa għal dawn l-40 ġurnata hi: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?” (Rum. 8,35). Tkun ħaġa tajba li nsibu aktar ħin għat-Talb, kemm weħidna kif ukoll bħala familja. Fil-parroċċa għandna wkoll il-Kappella tal-Adorazzjoni fl-Oratorju Salesjan li tkun miftuħa kuljum mis-7.00am sad-9.00pm
    • Ta’ għajnuna fil-mixja spiritwali tagħna huma l-Eżerċizzi fejn se noffru tliet korsijiet mifruxa fuq ħamest’ijiem:
      • Mit-Tnejn 02/03, Eżercizzi għal kulħadd filgħodu fiċ-Ċentru Parrokkjali, immexxija minn Dun Jonathan Debattista. Fit-tieni jum, it-Tlieta, l-eżercizzi se jieħdu l-forma ta’ ħarġa-irtir fil-Monasteru tas-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura fil-Birgu. Dawk interessati jiġu għandhom ikellmu lill-membri tal-Kumitat tal-Grupp tan-Nisa ‘Magnificat’.
      • Mit-Tnejn 09/03 wara l-quddiesa ta’ filgħaxija jibdew l-eżerċizzi għall-koppji u mexxejja ta’ familji li se jitmexxew minn Monsinjur Frans Abdilla.
      • Mit-Tnejn 23/03 fil-quddiesa tas-6.30pm jkollna Eżerċizzi għal kulħadd fil-Knisja mmexxija minn Dun Ġorġ Scerri M.S.S.P.
      • Inħeġġeġ għal attendenza b’widnejn u qalb miftuħa.
    • Il-Karità matul dan ir-Randan se tmur għall-Malta Community Chest Fund u għas-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika. Min jixtieq jagħti donazzjonijiet għal dan il-għan jista’ jħallihom mas-saċerdoti jew fil-kaxxa fuq il-mejda tal-offerti;
    • Il-karus ta’ mħabba li ser jitqassam lit-tfal ser ikun għal dan il-għan ukoll; u
    • Ħdejn il-bibien tal-Knisja ser ikollna kaxxi biex inġibu affarijiet u oġġetti tal-ikel għall-familji fil-bżonn.
  8. Avviżi oħra:
    • Matul din il-ġimgħa l-katekisti tal-M.U.S.E.U.M. tal-Bniet se jattendu l-eżerċizzi spiritwali għalihom u għalhekk it-tfal bniet mhux ser ikollhom lezzjonijiet tal-katekiżmu.
    • Quddiem il-Parlament Ewropew bħalissa hemm proposta biex jingħataw fondi għall-abort f’pajjiżi li bħal Malta dan mhux legali jew hu limitat. Qed tinġabar petizzjoni biex fondi Ewropej ma jintużawx għat-turiżmu tal-abort.  Il-Knisja f’Malta tħeġġiġna biex nibagħtu l-oġġezzjoni tagħna fis-sit: noabortiontourism.eu.
    • Is-Sibt 07/03: Mill-5.15pm ’il quddiem ser ikollna Afternoon Tea u Tombla fiċ-Ċentru Parrokkjali. Kitba fis-sagristija jew kssif indikat fil-paġna ta’ facebook “Festa Santa Marija – Ħad-Dingli”.
  9. Matul din il-ġimgħa daħlu:
    • € 530 f’donazzjonijiet għax-xogħol ta’ manutenzjoni tal-knisja.
  10. Għal matul ir-Randan u l-kumplament ta’ din is-sena qed nipproponu li ta’ spiss ngħidu t-talba ta’ San Franġisk ta’ Assisi quddiem il-Kurċifiss: “O Alla, l-aktar għoli u glorjuż, dawwal id-dlamijiet ta’ qalbi; sawwab fija fidi retta, tama ċerta, u mħabba perfetta. Agħtini li nħoss u nagħraf lilek, biex nagħmel ir-rieda vera u mqaddsa tiegħek. Ammen.” Ngħiduha flimkien …
close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.