avvizi parrocca

Avviżi – 08.03.2026

Avviżi – 08.03.2026  –  It-3 Ħadd tar-Randan

  1. Mit-Tnejn 09/03:
    • Il-quddies kollu jerġa’ jiġi ċċelebrat fil-Knisja Arċipretali. Nirringrazzjaw ħafna lill kulħadd tal-koperazzjoni fl-aħħar ġimgħat biex sar tant xogħol fil-Knisja. Ix-xogħol issa jissokta bil-mod waqt li bħala parroċċa nkomplu nippreparaw għall-żmien qaddis tal-Ġimgħa Mqaddsa. Nirringrazzjaw ukoll lil diversi li għenu b’xogħol volontarju.
  2. Mit-Tnejn 09/03 sal-Ġimgħa 13/03:
    • Fis-7.00pm – Eżerciżżi tar-Randan fil-Knisja għall-miżżewġin, għarajjes u mexxejja ta’ familji. Imexxi Monsinjur Frans Abdilla. Il-familji mhux biss huma mistiedna imma mħeġġa jattendu għal din l-opportunità li l-parroċċa qed toffri biex f’dan ir-Randan nisimgħu, nitolbu u nirriflettu.
  3. It-Tnejn 09/03:
    • Fil-4.45pm, fil-Knisja Arċipretali ssir l-ewwel qrara għat-tfal bniet li f’Mejju se jirċievu l-Ewwel Tqarbina.
  4. It-Tlieta 10/03:
    • Fid-9.30am jiltaqa’ l-Grupp tan-Nisa ‘Magnificat’ iċ-Ċentru Parrokkjali.
  5. Il-Ħamis 12/03:
    • Fil-4.45pm, fil-Knisja Arċipretali ssir l-ewwel qrara għas-subien.
  6. Il-Ġimgħa 13/03:
    • Fis-Sala taċ-Ċentru Parrokkjali jiftaħ il-Bring & Buy b’riżq il-proġetti tal-parroċċa, speċjalment biex inkopru l-ispejjeż marbuta mal-lift tal-istess Ċentru. Ikollna għall-bejgħ oġġetti ġodda u second hand bi prezzijiet tajbin ħafna. Jekk hawn min jixtieq joffri xi oġġetti f’kundizzjoni tajba, mhux ħwejjeġ, jista’ jġibhom f’dawk il-ġranet stess. Ser ikollna wkoll bejgħ ta’ kotba u oġġetti reliġjużi marbutin mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa, ħelu Malti u jittieħdu ordnijiet għall-figolli. Minbarra l-Ġimgħa filgħaxija, il-Bring and Buy ikun miftuħ ukoll is-Sibt 14/03 filgħodu u filgħaxija, u l-Ħadd 15/03 filgħodu u fil-ħin tal-quddiesa ta’ filgħaxija. Nerġgħu niftħu wkoll fil-weekend ta’ wara.
  7. Il-Ħadd 15/03:
    • Il-ġabra tkun għas-Seminarju tal-Arċisqof bħala sostenn għal dan il-post għażiż fid-djoċesi fejn jirċievu l-formazzjoni tagħhom is-saċerdoti ta’ għada.
    • Fid-9.30am – Quddiesa bis-sehem tat-tfal li għamlu l-Ewwel Qrara li jingħtataw ċertifikat ta’ tifkira.
  8. Avviżi oħra:
    • Il-Ġimgħa 20/03, fis-7.00pm, nistednukom għal lejla ta’ kant u mużika fil-Knisja Arċipretali mill-Kor tat-Tfal ‘Joy of the Gospel’  u mit-tfal tal-‘Malta Cello Academy’ biex magħhom nitolbu lil ĠESÙ MSALLAB: minnu ĦNIENA, MAĦFRA, u PAĊI . . . għall-paċi fostna u fid-dinja kollha, kontra kull mibegħda, vjolenza u gwerra.
    • Is-Sibt 21/03; qed nagħmlu stedina lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ biex filgħodu mmorru nżuru lil Kristu fil-Ħabs – Via Sagra b’differenza li tikkonsisti f’esebizzjoni artistika ispirata minn riflessjonijiet u esperjenzi reali, imnissla minn dawk li għexu jew għadhom jgħixu r-realtà tal-ħabs. Nitilqu minn ħdejn il-Knisja ta’ Ħad-Dingli fid-9.00am. Min hu mħajjar jiġi jinforma lill-Arċipriet jew jibgħat messaġġ fuq il-facebook tal-parroċċa.
    • Is-Sibt 21/03:- Il-Kumitat Festa Esterna se jorganizza Pie Day, bl-ikel jitwassal dirett fid-djar f’nofsinhar jew filgħaxija.  Kitba fis-sagristija jew b’messaġġ fuq il-paġna ta’ facebook “Festa Santa Marija – Ħad-Dingli”.
    • It-Tnejn 30/03 se norganizzaw Pellegrinaġġ għar-Redentur tar-Rabat fejn se nieħdu sehem fil-quddiesa u f’pellegrinaġġ wara r-Redentur fit-toroq tar-Rabat. Fis-sagristija qed nieħdu l-ismijiet ta’ dawk li jixtiequ jattendu għal dan il-Pellegrinaġġ. It-trasport lejn il-knisja ta’ Ta’ Ġieżu, fir-Rabat, ser jitlaq minn Ħad-Dingli fil-4.45pm.
  9. Matul din il-ġimgħa daħlu:
    • € 950 mill-ġabra speċjali fil-Knisja għall-proġetti ta’ manutenzjoni li għaddejjin fil-parroċċa; u
    • € 1,125 f’donazzjonijiet b’risq l-istess għan. Nirringrazzjawkom ħafna.
  10. Nitolbu għal John Sammut li għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem …
close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.