Avviżi -01.08.2021 – It-18-il Ħadd Matul is-Sena
1. Illum hu l-ewwel Ħadd ta’ Awwissu u għalhekk il-ġabra hi dik speċjali għall-bżonnijiet tal-parroċċa.
2. Nhar it-Tnejn jiltaqa’ l-Kunsill Pastorali Parrokkjali. Il-laqgħa ssir fil-Knisja u tibda fis-7.00 p.m.
3. Il-quddiesa ta’ nhar it-Tlieta filgħaxija ser tkun b’sufraġju għal ruħ l-Isqof Walter Michael Ebejer, iben din il-parroċċa, li miet f’Ġunju li għadda fil-Brażil fejn kien ilu aktar minn sittin sena jwettaq ħidma missjunarja. Din il-quddiesa se tixxandar ukoll fuq il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa.
4. Nhar l-Erbgħa ser ikollna l-mixja tal-festa li tibda minn ħdejn il-Knisja fis-7.00 p.m. Se nimxu t-triq ta’ fuq l-irdum, ninżlu Misraħ Suffara u għal Santa Katarina tad-Daħla fejn ikollna waqfa quddiem il-kappella. Niġu lura Ħad-Dingli bil-pass. Dawk interessati għandhom jinkitbu fis-sagristija u bħas-soltu jġibu magħhom torch żgħira.
5. Fl-okkażjoni tal-bidu tal-Kwindiċina tal-festa ta’ Santa Marija, nhar il-Ħamis mill-5.00 p.m. u l-Ġimgħa mit-8.30 a.m. u mis-6.00 p.m. ‘il quddiem, fil-knisja ser ikun hawn konfessuri barranin għall-qrar. Il-mixja spiritwali tagħna għall-festa tibda nhar il-Ġimgħa, bil-Knisja se tkun miftuħa l-ġurnata kollha bi stedina għalina lkoll biex insibu ħin u niġu nitolbu quddiem Ġesu’ Sagramentat. Filgħaxija ninġabru flimkien għall-quddiesa tas-6.30 p.m. li fi tmiemha ssir il-funzjoni tal-Kwindiċina u tingħata l-Barka Sagramentali.
6. Fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej se nagħmlu l-offerta tagħna għall-karità fi żmien il-festa li din is-sena se tmur għall-missjoni mmexxija mill-patrijiet Dumnikani Maltin fl-Albanija. Il-flus miġbura jiġu ppreżentati lill-Isqof George Frendo li se jkun magħna l-ġimgħa ta’ wara. Din is-sena qed norganizzaw żewġ ġesti oħra ta’ solidarjetà: il-Ħadd li ġej, mit-8.30 a.m. sas-1.00 p.m., nistgħu nkunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor billi nagħtu d-demm fil-Mobile Blood Donation Unit f’Misraħ Ġuże’ Abela. Din is-sena qed norganizzaw ukoll kampanja biex min jixtieq jirreġistra bħala donatur tal-organi. Intom u ħerġin mill-Knisja tistgħu tieħdu fuljett li fih id-dettalji kollha u jwieġeb għal domandi li jista’ għandkom dwar is-suġġett. Fih ukoll applikazzjoni li min jixtieq jista’ jimla’ u jġib miegħu fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej. Dakinhar, wara kull quddiesa ser ikun hawn membri tal-Kummissjoni Djakonija jgħinu ‘l min jixtieq japplika.
7. Nhar il-Ħadd fit-8.30 a.m. se jiġi inawgurat ic-Child Care& Educational Centre fi proprjetà tal-parroċċa fi Triq il-Ġnien. Iċ-ċentru hu operat mill-privat. Il-Ħadd li ġej, iċ-ċentru jibqa’ miftuħ sa 12.00 p.m. għal min jixtieq iżur u jara din il-faċilità ġdida.
8. Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja ser ikollna għall-bejgħ bnadar ideali għall-gallariji u ritratti tal-istatwa ta’ Santa Marija fuq it-tila.
9. Il-quddiesa tat-Tnejn 9 ta’ Awwissu filgħaxija ser issir f’Misraħ Frenċ Abela. Dawk li se jattendu jridu jirreġistraw fis-sagristija jew fil-każin tal-banda u dakinhar iġibu magħhom iċ-ċertifitkat tal-vaċċin.
10. Nawguraw lil Monsinjur Louis Camilleri u lil Father Matthew Pulis li f’dawn il-ġranet iċċelebraw għeluq sninhom.
Ikkummenta