avvizi parrocca

Avvizi – 08.08.2021

Avviżi -08.08.2021 – Id-19-il Ħadd Matul is-Sena

1. Il-ġabra fil-quddiesa tal-lum hi l-offerta ta’ karita’ li nagħtu kull sena fi żmien il-festa. Din is-sena, il-flus miġbura se jmorru għall-missjoni tal-patrijiet Dumnikani Maltin fl-Albanija. Is-somma miġbura se tiġi ppreżentata nhar il-Ġimgħa fil-quddiesa tas-6.30 p.m. lill-Arċisqof ta’ Tirana Durres fl-Albanija, Monsinjur George Frendo. Nistedinkom minn issa biex nhar il-Ġimgħa nkunu hawnhekk fil-Knisja biex niċċelebraw l-Ewkaristija flimkien.

2. F’ġesti oħra ta’ solidarjetà għall-festa, kif tispiċċa l-quddiesa min jixtieq jista’ jirreġistra bħala donatur tal-organi. Ir-reġistrazzjoni qed issir fil-Knisja, quddiem l-artal ta’ San Ġużepp. U għada, bejn it-8.30 a.m. u s-1.00 p.m., nistgħu nagħtu d-demm fil-Mobile Blood Donation Unit f’Misraħ Ġuże’ Abela.

3. Il-Ħadd filgħodu se jiġi inawgurat Child Care & Educational Centre fi proprjetà tal-parroċċa, wara ċ-ċimiterju. Bejn id-9.00 a.m. u 12.00 p.m., il-post ser ikun miftuħ għal kull min jixtieq iżur u jara din il-faċilità ġdida.

4. Il-quddiesa tat-Tnejn filgħaxija mhix ser issir fil-knisja iżda f’Misraħ Frenċ Abela, b’tifkira mit-twaqqif tal-banda. Dawk li se jattendu jridu jirreġistraw fis-sagristija jew fil-każin tal-banda u dakinhar iġibu magħhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

5. Fil-quddiesa tat-Tlieta filgħaxija se nitolbu għal ħutna l-mejtin, b’mod speċjali dawk li mietu fl-aħħar sena.

6. L-Erbgħa qed nagħmlu stedina liż-żgħażagħ biex fit-8.00 p.m. niltaqgħu l-knisja għall-quddiesa organizzata għalihom u wara ninżlu Dar Don Bosco.

7. Il-Ħamis fis-6.30 p.m. qed nistiednu lit-tfal kollha u l-familji tagħhom għall-quddiesa, bl-ispazju fil-Knisja se jkun riżervat kollu għalihom. Għalhekk ħsibna li dakinhar issir quddiesa oħra aktar kmieni: fil-5.00 pm jingħad ir-rużarju u fil-5.30 p.m. il-quddiesa li tkun għal kulħadd.

8. Nhar is-Sibt fid-9.00 a.m. ser ikollna quddiesa għall-anzjani u l-morda tal-parroċċa li jinsabu fid-djar tagħhom jew f’residenzi għall-anzjani. Inħeġġu l-familjari jġibuhom u fejn hemm xi diffikultà kellmuna. Is-Sibt ukoll, fis-7.15 p.m. jiġi inawgurat ir-restawr tad-Domus wara sena u nofs xogħol minn ħaddiema fi ħdan l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali. L-għada, il-Ħadd, ser issir open day tal-post.

9. Il-Ħadd li ġej fil-quddiesa tad-9.30 a.m. se jiġu preżentati lil Santa Marija t-tfal li twieldu fis-sena sa Lulju 2020.

10. F’dawn il-jiem, kull familja qed tirċievi ktejjeb ippubblikat mill-parroċċa għall-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija. Inħeġġukom taqraw l-artikli għax b’hekk tkunu nfurmati dwar dak li twettaq fil-parroċċa fl-aħħar tnax-il xahar u ssibu wkoll programm dettaljat dwar kif se tiġi ċċelebrata l-festa din is-sena. Mal-programm ingħata envelope, biex kulħadd skont il-mezzi tiegħu ngħinu mill-aħjar li nistgħu lill-parroċċa kemm fl-ispejjeż tal-festa ta’ ġewwa kif ukoll f’ħidmiet oħra li għaddejjin. Tistgħu tħallu l-envelope f’kaxxa apposta fuq il-mejda tal-offerti jew fil-kaxxa tal-ittri tad-Dar Parrokkjali. L-Arċipriet qed jilqa’ wkoll offerti għall-bukketti ta’ imħabba ħdejn l-istatwa ta’ Santa Marija li din is-sena se jmorru għall-ispejjeż ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni li ser isiru fil-Knisja u biex issir showcase professjonali għall-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista li ġiet restawrata fix-xhur li għaddew.

11. Inħeġġukom biex fil-jiem tal-festa tarmaw il-faċċati tad-djar u min għandu arblu jtella’ l-bandiera. Il-Kumitat Festa Esterna għandu għall-bejgħ banners ideali għall-gallariji, xbiehat ta’ Santa Marija fuq it-tila għal ġewwa u souvenirs oħra. Dawn jistgħu jinxtraw minn fuq iz-zuntier wara l-quddiesa.

12. Nitolbu għal ruħ oħtna Ruth Studer li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem . . .

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.