Avviżi – 15.08.2021
Is-solennita’ tat-tlugħ fis-sema tal-Madonna
1. Dalgħodu bejn it-8.30am u 12.00pm u bejn l-4.30 u s-6.00pm, id-Domus ser ikun miftuħ biex kulħadd jara u japprezza x-xogħol ta’ restawr li sar f’din il-binja storika mill-ħaddiema tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.
2. Fil-quddiesa tad-9.30 a.m., illum se jiġu ppreżentati lil Santa Marija t-tfal li twieldu minn Lulju 2019 sa Lulju 2020.
3. Fil-quddiesa ta’ għada filgħaxija mbagħad issir il-preżentazzjoni tat-trabi li twieldu fl-aħħar sena; minn Awwissu 2020 ‘il quddiem. Għalhekk nhar it-Tnejn se ssir quddiesa fil-5.30p.m. li tkun miftuħa għal kulħadd, biex il-quddiesa tas-6.30 tkun biss għal dawn il-ġenituri u uliedhom.
4. It-Tlieta mit-8.00 a.m. napprezzaw l-għajnuna ta’ kull min jista’ fil-ħasil tal-Knisja.
5. Nhar it-Tlieta fis-7.15 pm kulħadd mistieden għal Serata Marjana fil-Knisja li matulha se ssir spjega dwar il-konservazzjoni u r-restawr li sar fuq għadd ta’ pitturi fil-Knisja tagħna. Din is-serata, li mhux se ttul, hi maħsuba biex napprezzaw il-wirt li ħallewlna missirijietna u kif grazzi għall-ġenerożita’ tagħna u l-fondi tal-Unjoni Ewropea ħadna ħsiebhom biex inħalluhom fi stat tajjeb lil ta’ warajna.
6. Nhar l-Erbgħa nibdew it-tridu tal-festa. Dakinhar filgħaxija, fl-okkażjoni tas-Sena Ġużeppina nilqgħu fostna l-bastun devot tal-istatwa ta’ San Ġużepp Inkurunat mis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp fir-Rabat. Il-bastun se jibqa’ hawnhekk sal-festa. Għall-quddiesa tal-Erbgħa filgħaxija, mistiedna speċjali l-koppji li din is-sena jew is-sena li għaddiet għalqu 60 jew 50 sena miżżewġin.
7. Il-quddiesa tal-Ħamis filgħaxija hi għall-familji kollha, b’mod speċjali għall-koppji li din is-sena jew is-sena li għaddiet għalqu 25 jew 10 snin miżżewġin u lil dawk li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ fl-aħħar sena. Il-Ħamis fid-9.00pm jsir il-programm vokali u strumentali mill-Għaqda Mużikali Santa Marija f’Misraħ Frenċ Abela u Triq Ċensa Spiteri.
8. Fil-quddiesa tal-Ġimgħa filgħaxija ssir il-vestizzjoni tal-abbatini l-ġodda u fit-8.15 pm ikollna l-Ikla tal-Festa fil-Pjazza ħdejn il-Knisja. Kitba fis-sagristija sa nhar l-Erbgħa u kollox ser isir skont id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom li fid-dħul wieħed irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin.
9. Is-Sibt, lejlet il-festa, fis-6.15pm jkollna t-Translazzjoni Solenni tar-Relikwa mid-Domus sal-Knisja fejn isir il-kant tal-Ewwel Għasar u l-quddiesa tibda fis-7.00, minflok fis-6.30. Il-quddiesa tal-4.30 ser issir normali.
Fit-8.15 p.m. se jibda programm speċjali ta’ lejlet il-festa organizzat mill-Kumitat Festa Esterna ħdejn il-Knisja Arċipretali. Il-programm se jixxandar dirett fuq l-istazzjon Fliving u fuq il-paġna ta’ facebook ‘Festa Santa Marija – Ħad-Dingli’. Il-programm jinkludi intervisti u tagħrif dwar il-festa u s-sehem tal-banda ta’ Ħad-Dingli. Il-qofol jintlaħaq fl-10pm bl-Innu l-Kbir. Se jkollna xi spazju għal min jixtieq jattendi fil-pjazza, b’dawk interessati jridu jiġbru biljett bla ħlas mis-sagristija min-nhar l-Erbgħa u jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
10. Nhar il-Ħadd ikun jum il-festa tagħna lil Santa Marija. Il-quddiesa solenni tibda fid-9.15 a.m. u filgħaxija fis-6.00 jkollna l-kant tat-Tieni Għasar; il-quddiesa ta’ filgħaxija tibda fis-6.30; fis-7.30 nitolbu flimkien ir-Rużarju u tingħata l-Barka Sagramentali. Fit-8.30 jibda programm ta’ logħob tan-nar tal-ajru. Inħeġġiġkom ħafna biex fl-aħħar ġimgħa tal-festa nattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet fil-Knisja u nersqu wkoll għas-sagrament tal-qrar. Mill-Erbgħa ‘il quddiem ser ikollna diversi ħinijiet ta’ qrar minn konfessuri barranin. Tajjeb nimxu mal-programm li tqassam fi djarna.
11. Inħeġġukom ukoll biex fil-jiem tal-festa tarmaw il-faċċati tad-djar u min għandu arblu jtella’ l-bandiera. Il-Kumitat Festa Esterna għandu għall-bejgħ banners ideali għall-gallariji bix-xbieha ta’ Santa Marija u kwadri ta’ Santa Marija fuq it-tila għal ġewwa. Dawn jistgħu jinxtraw minn fuq iz-zuntier.
12. Nirringrazzja lil dawk li ġabu l-envelope li tqassam mal-programm. L-envelope tistgħu tħalluh fil-kaxxa fuq il-mejda tal-offerti jew timpustawh fil-kaxxa tal-ittri tad-Dar Parrokkjali. L-Arċipriet qed jilqa’ wkoll offerti għall-bukketti ta’ imħabba ħdejn l-istatwa ta’ Santa Marija li din is-sena se jmorru għall-ispejjeż ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni li ser isiru fil-Knisja u biex issir showcase professjonali għall-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista li ġiet restawrata fix-xhur li għaddew.
13. Fl-aħħar jiem tajna l-aħħar tislima lil ħutna: Carmena Micallef u Kristinu Farrugia. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem . . .
Ikkummenta