white clouds

Biex tapprezza ż-żernieq, jeħtieġ li jidlam!

Il-poeta nazzjonali Malti, Dun Karm Psaila, ħalla warajh wirt mill-isbaħ. Mhux qed nirreferi biss għall-Innu Malti, jew il-poeżiji tant sbieħ li għadna ngawdu fil-letteratura tagħna, iżda għad-diversi innijiet liturġiċi li mal-melodija sabiħa tagħhom jakkumpanjaw iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna. Fost dawn, wieħed jistà jsemmi l-innu li nkiteb għall-Kungress Ewkaristiku li sar f’Malta fl-1913, Nadurawk ja Ħobż tas-Sema, l-innu Marjan li nkantaw tul ix-xhar ta’ Mejju, Fil-Ħlewwa ta’ Mejju, u l-innu dedikat lill-Qalb ta’ Ġesù, Tina l-Ħlewwa. Hemm imbagħad żewġ innijiet, li fl-opinjoni tiegħi, huma mżewwġin flimkien: l-innu ta’ filgħodu, Reġa sebaħ ja Mulejja, u l-innu ta’ filgħaxija, Riesaq il-lejl Mulejja.

Nammetti magħkom li l-innu ta’ filgħaxija, jaffaxxinani! Il-kliem tiegħu, miktub b’tant reqqa, ma jistgħux ma jwaħħdukx mal-awtur li jindirizza lill-Mulej u jitolbu b’dawn il-versi:

Inti li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred ġo qlubna s-sliem.

Huma kliem li forsi nkantawhom mingħajr ma nifhmu s-seħer warajhom. Madanakollu, huma kliem li jġiegħluni nieqaf u naħseb: filwaqt li l-jum jintemm fi nżul ix-xemx sabieħ u hekk il-ħajja torqod, u kull ħoss imut fis-skiet, it-tama tagħna tkun li ma jdumx ma jerġa jżernaq! Huwa propju ż-żernieq li kull ħlejqa tistenna! Mhux l-ewwel darba li tistaqsi lil xi ħadd kif jinsab u jwieġbek “la qomna, tajjeb!”

It-tama tagħna hija li naraw il-jum. Iżda ma nistà qatt napprezza s-sbuħija taż-żernieq jekk ma jidlamx! U dan ma ngħiduhx biss għaż-żernieq tal-jum, iżda għal mumenti diversi tal-ħajja tagħna. Ilkoll kemm aħna nesperjenzaw il-mumenti tad-dlam, u nittamaw li ma jdumx ma jżernaq! Ilkoll kemm aħna ngħaddu mill-iljieli twal u nixxenqu biex naraw id-dawl!

Fl-2006 nħadem film bit-titlu The Pursuit of Happyness (le, m’hemmx żball fit-titlu!), li jitratta l-istorja ta’ Christopher Gardner, raġel Amerikan li kellu ħafna fallimenti fil-ħajja tiegħu iżda li baqa’ dejjem jittama li l-lejl ser jgħaddi u d-dawl kien ser jidher. Christopher tilef kollox, inkluż il-mara u, għal xi żmien, anke lit-tifel. Tilef id-dar u kull sigurtà li kellu f’ħajtu. Għamel żmien jgħix bla dar, homeless, u meta ma kienx isib saqaf fuq rasu, kien jorqod fil-latrina tal-istazzjon tal-underground. Iżda baqà jittama, ma qatax qalbu! Kellu ħolma u kien jaf fejn irid jasal, u minkejja s-sagrifiċċji kbar li kellu jagħmel, baqà jittama sakemm għadda l-lejl u beda jżernaq! Illum il-ġurnata, Christopher Gardner għandu 67 sena, u l-ġid tiegħu huwa stmat li jlaħħaq madwar $70 miljun. Iżda l-aktar ħaġa sabiħa hi, li dan il-ġid qed jużah billi jinvestih f’nies li bħalu, tilfu kollox, u qed jippruvaw jibnu ħajjithom mill-ġdid!

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna li t-tama hi dik il-virtù teologali li biha nixtiequ bħala ġid tagħna, is-saltna tas-smewwiet u l-ħajja ta’ dejjem, aħna u nafdaw fil-wegħdiet ta’ Kristu; nafdaw mhux fil-ħila tagħna iżda fl-għajnuna tal-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu . . . il-virtù tat-tama tħarishom minn kull qtigħ il-qalb, tqawwihom kull darba li jiddgħajfu; tiftaħ il-qalb tal-bniedem huwa u jistenna l-hena ta’ dejjem. Il-ħeġġa tat-tama tħarisna mill-egoiżmu u twassalna għall-hena ta’ l-imħabba. (para. 1817-1818). Fl-10 ta’ Mejju 2017, waqt l-udjenza ġenerali tal-Erbgħa, il-Papa Franġisku jippreżenta lil Marija bħala dik li tgħin lill-poplu ta’ Alla jittama waqt il-mumenti tad-dlamijiet. Waqt li jitkellem fuq il-preżenza tagħha taħt is-Salib, ikompli jgħid li Marija tgħallima l-virtù tat-tama, anke meta kollox jidher li ma jagħmilx sens. Dan għamlitu, għax Marija kienet mara li taf tisma’ u tagħraf li f’kull mument qed isseħħ ir-rieda ta’ Alla.

Aħna lkoll għandna bżonn nikbru f’din il-virtù tat-tama! F’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza li għadna għaddejjin minnhom u f’kull mument mudlam ta’ ħajjitna, għandna l-għażla li naqtgħu qalbna u nħallu d-diffikultajiet jgħaddu minn fuqna, jew nittamaw li ser iżernaq u l-ġurnata tisbieħ! Iżda biex nagħmlu dan, irridu dejjem niftakkru li biex napprezzaw iż-żernieq, jeħtieġ l-ewwel li jidlam! Dun Karm Psaila ma waqafx biss mal-faxxinu ta’ nżul ix-xemx. Fl-innu ta’ filgħodu jtenni l-kliem:

Reġa sebaħ, ja Mulejja,

agħti tiegħek dan il-jum.

Lejk nittajjar bil-ħsieb tiegħi,

kull filgħodu malli nqum . . .

… ‘Tini l-Omm tal-Iben tiegħek,

biex tħarisni mit-tiġrib.

U tgħallimni b’imħabbitha,

kif inħaddan is-salib.

Nawguralkom li ma’ Marija ngawdu ż-żernieq wara l-lejl, u nemmnu bħalha li f’kull mument mudlam, hemm tama, għax f’dak il-mument, ukoll qed isseħħ ir-rieda ta’ Alla!

Marija, Omm it-tama, itlob għalina u ieqaf magħna!

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.