parroccadingli.org

Merħba fis-sit parroccadingli.org

Merħba fis-sit il-ġdid tal-Parroċċa Santa Marija, Ħad-Dingli. Bħala Kummissjoni Pastorali Diġitali, li ġejna ffurmati b’effett tal-Covid-19 aħna nixtiequ li dan is-sit, flimkien mal-paġna ta’ Facebook, l-YouTube channel, u t-Twitter feed ikunu mezz kif nistgħu nibqgħu f’kuntatt. 

L-idea tagħna mhix li dan is-sit ikun biss ta’ informazzjoni, fis-sens li aħna ntellgħu l-materjal u inti tarah.  Ix-xewqa tagħna hi li inti taqsam dan il-materjal ma’ ħaddieħor fuq il-pjattaformi soċjali kif ukoll billi tikkummenta u tiddjaloga hawnhekk. 

Fis-sessjoni tan-Newsletter qed noffru żewġ għażliet: waħda li tirċievi email mingħandna kull ġimgħa fejn issib spjegazzjoni fuq il-Vanġelju tal-Ħadd minn Biblisti Maltin kif ukoll l-avviżi tal-ġimgħa.  Nistednuk li tixtarr il-messaġġ Evanġeliku u li matul il-ġimgħa tħallih jikber fil-qalb tiegħek.  Huwa biss bil-Kelma ta’ Alla li aħna nistgħu nikbru bħala komunità Evanġelika. Hemm ukoll l-għażla li darba fix-xahar tirċievi newsletter bl-aħbarijiet miġburin. Ovjament nistednuk tinkiteb fit-tnejn. 

Fil-futur qrib ser inkunu qed inħabbru numru ta’ proġetti fejn nistgħu nitolbu aktar bħala komunità diġitali u mhux biss bħala komunità fiżika.  Nixtiequ li jkollna aktar possibiltajiet fejn min qiegħed fil-knisja, u min qiegħed isegwi mid-dar tiegħu, ikun jista’ jitlob jew jiġi ffurmat waqt il-laqgħat ta’ formazzjoni.  

Ovvjament, jekk għandek xi suġġerimenti x’nistgħu nagħmlu, tiddejqux taqsmuhom magħna. Tista’ tibda billi tħalli messaġġ hawnhekk fil-kummenti biex inqajmu d-diskussjoni. Tistgħu wkoll tkellmu lil wieħed mill-membri tal-Kummissjoni li minn hawnhekk xtaqt ħafna nirringrazjahom tal-għajnuna kbira f’dal-proġett li huwa proġett pilota fid-djoċesi Maltija.  Grazzi lil Matthias Attard, Noel Zammit, Joel Attard u David Tanti. Grazzi kbira wkoll tmur għal numru ta’ persuni oħra li għenu f’dan il-proġett. Nibda billi nirringrazzja lit-tim tal-Kurja immexxi minn Liam Farrugia, kif ukoll numru ta’ Dinglin li sibna l-għajnuna tagħhom minn wara l-kwinti.  

Nagħlqu billi nerġgħu nfakkru li dan huwa biss soft launch. Jaf hemm xi sezzjonijiet li għadhom vojta jew għadhom iridu jitranġaw. Napprezzaw kull feedback li tistgħu tagħtuna. Żgur li matul ix-xhur li ġejjin ser inkunu qegħdin inżidu xi funzjonijiet fis-sit biex imbagħad tkun tista’ tiġi formalment varata nhar jum it-tifkira tat-twaqqif tal-parroċċa – fil-31 ta’ Diċembru 2021.  Min jista’ jagħti xi kontribut f’dan il-proġett nistiednuh jkellimna ħalli dan is-sit ikun biss żerriegħa li nisperaw li jħalli l-frott. 

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.