Nhar id-9 ta’ April 2021 tħabbret il-mewt tal-Prinċep Philip, Duka ta’ Edinburgh, fl-età ta’ 99 sena. Fl-1954, ir-Reġina Eliżabbetta II u żewġha d-Duka ta’ Edinburgh għamlu żjara uffiċċjali f’Malta. Wieħed mill-impenji li kellu l-Prinċep Philip ġabu proprju fir-raħal tagħna, għal żjara lill-proġett tal-grawnd tal-futbol. Sa fejn hu magħruf din kienet l-uniku darba li hu żar Ħad-Dingli. MARIO MICALLEF jikteb dwar x’ġara fl-għodwa ta’ nhar is-6 ta’ Mejju 1954. L-artiklu hu bbażat fuq tagħrif u ritratti ġentilment mogħtija mis-Sur Paul Ebejer.
Iż-żjara li r-Reġina Eliżabbetta II u żewġha d-Duka ta’ Edinburgh għamlu f’Malta bejn it-3 u s-7 ta’ Mejju 1954 kienet l-ewwel waħda mindu r-Reġina nħatret bħala kap tal-monarkija Ingliża. Għar-Reġina u d-Duka iżda, Malta ma kinitx post ġdid. Dan għaliex fis-snin bejn l-1949 u l-1951 kienu jgħixu f’pajjiżna. Dan seħħ fi żmien meta l-Prinċep kien stazzjonat f’Malta bħala uffiċjal mal-flotta rjali. Irridu napprezzaw li ż-żjara tal-1954 seħħet għaxar snin qabel ma’ Malta saret stat indipendenti. Għalhekk, sa dik il-ħabta l-pajjiż kien parti mill-Imperu Ingliż u l-koppja rjali kellha rwol sinifikanti għal pajjiżna.
Din iż-żjara kellha tifsira speċjali għal Ħad-Dingli billi d-Duka ta’ Edinburgh żar ‘l dan ir-raħal fl-għodwa tas-6 ta’ Mejju 1954. Dak li ġara għadu mnaqqax fil-memorja ta’ xi anzjani li kienu preżenti u ġie rappurtat fid-dettall l-għada, fil-ħarġa tal-ġurnal The Times of Malta. Ir-rapport li beda fil-faċċata tal-ġurnal u ssokta f’paġna 2 qal li ż-żjara kienet waħda informali u ma kinitx fil-programm uffiċċjali. Iż-żjara saret speċifikament biex id-Duka jara l-ewwel proġett tal-Malta Playing Fields Association (M.P.F.A.) li kien jinvolvi l-iżvilupp ta’ biċċa art fi grawnd. Qed nitkellmu fuq il-post li llum hu l-grawnd tal-futbol, li jinsab f’idejn il-klabb Dingli Swallows. Liebes l-uniformi ta’ ammirall tal-flotta navali Ingliża u akkumpanjat mic-Chairman tal-M.P.F.A., il-Logotunent Kurunell J.V. Abela, id-Duka ngħata merħba kulurita u mimlija entużjażmu mit-tfal tal-iskola u mir-residenti ta’ Ħad-Dingli. Ir-rapport f’The Times of Malta jgħid li ż-żjara saret f’jum karatterizzat minn riħ kiesaħ. Hu ġie ntrodott mal-membri tal-kumitat distrettwali ta’ Ħad-Dingli kompost minn Dun George Mercieca li kien il-President; u s-Sinjuri Joseph Farrugia, Segretarju; Rogantino Gambin, Viċi President; Edwin Ebejer, Assistent Segretarju; Anthony Farrugia, Kaxxier; u Saviour Bonello u Felix Abela li kienu membri. Id-Duka mexa qalb it-tfal tal-primarja li xejru l-bnadar nazzjonali ta’ Malta u l-Ingilterra u mbagħad ġie ntrodott mal-membri li jiffurmaw l-Eżekuttiv tal-Malta Playing Fields Association.
Preżenti wkoll għal din iż-żjara kien hemm il-Baruni Sceberras D’Amico Inguanez li f’ġest mill-aktar ġeneruż, ta l-art li fuqha ġie żviluppat dan il-grawnd għal pagament żgħir. Skont ma’ ġie rappurtat f’The Times of Malta, id-Duka ġie mgħarraf li residenti ta’ Ħad-Dingli wettqu l-parti l-kbira tax-xogħol tal-id f’dan il-grawnd b’mod volontarju, wara l-ħin tax-xogħol regolari tagħhom. Intqal li l-grawnd qiegħed jitkabbar u nies fl-industrija tal-bini ġew imħeġġa jgħinu billi jħallu ġebel u radam fil-qrib biex jintużaw fil-pedamenti għat-tkabbir. Minn dak rappurtat fil-ġurnal, iż-żjara tad-Duka kienet qasira tant li ħadet ftit minuti iżda ntqal li hu ħa impressjoni eċċellenti tax-xogħol li kien qed isir mill-M.P.F.A.
Minn dak iż-żmien, saru għadd ta’ żviluppi fil-grawnd li llum hu b’wiċċ sintetiku u mgħammar b’diversi faċilitajiet addattati għal-logħob kompetittiv tal-futbol. Dan kollu sar grazzi għall-impenn tal-klabb tad-Dingli Swallows, diversi voluntiera li tul is-snin taw sehemhom u oħrajn li kkontribwew finanzjarjament.
Ikkummenta