50 sena servizz lill-Knisja f’Malta u barra
Din is-sena hu mument speċjali għal iben ir-raħal tagħna: Patri Pawl Muscat OSA. Hu qiegħed ifakkar il-ġublew tad-deheb mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. SAVIO D. BORG jikteb dwar il-mumenti ewlenin ta’ ħajjet dan il-patri Agostinjan li minkejja ‘l ħafna impenji dejjem għożż lil Ħad-Dingli, speċjalment il-jiem tal-festa titulari ta’ Santa Marija.
Patri Pawl, iben Salvu u Giuseppa neè Zahra, twieled nhar l-14 ta’ Diċembru, 1946, f’dar numru 10, Triq il-Buskett, Ħad-Dingli. Tgħammed l-għada, fil-15 ta’ Diċembru, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħad-Dingli. Studja fl-iskola primarja tal-istess lokal, f’dik tar-Rabat u wara għadda għall-Kulleġġ tal-Agostinjani, f’Ħal Tarxien. Ta’ 17-il sena beda l-mixja tiegħu fl-Ordni Agostinjan u flimkien ma’ erbgħa minn sħabu huwa beda s-sena tan-novizzjat ġewwa l-kunvent tal-Agostinjani, fir-Rabat, Għawdex. Kif jistqarr huwa stess, il-ħajra li jissieħeb ma’ ulied Santu Wistin, taf il-bidu tagħha meta fit-tfulija tiegħu kien iservi bħala abbati fil-kappella tal-Buskett u kien iqaddes ċertu Patri Rafel Azzopardi OSA. Fil-familja kellu wkoll liz-ziju ta’ missieru, Patri Luiġi Muscat, Agostinjan.
Wara n-novizzjat, kompla bl-istudji tal-filosofija u tat-teoloġija fil-kunvent tal-Agostinjani, ir-Rabat, Malta. Wara l-professjoni solenni tiegħu fl-ordni Agostinjan, nhar l-14 ta’ Marzu 1971, flimkien ma’ sitt reliġjuzi oħra, ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu`, ir-Rabat.
Matul din il-medda twila ta’ ħamsin sena, Patri Pawl ħadem ħafna fost diversi komunitajiet, kemm f’Malta kif ukoll barra, dejjem b’sens kbir ta’ dover, disponibilita` u ubbidjenza lejn is-superjuri tiegħu. Hekk insibuh fl-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu l-Belt, propju fil-Parroċċa ta’ Santu Wistin li kienet fil-bidu tagħha. Wara ħames snin, intbagħat jagħti servizz pastorali fit-Tuneżija, f’La Goulette, port ċkejken ftit ‘il bogħod mill-belt kapitali fejn dam erba’ snin. Ix-xogħol tiegħu primarjament kien li jieħu ħsieb il-komunitajiet Taljani u tal-lingwa Inglża mxerda mat-Tuneżija.
Mit-Tuneżija rritorna Malta fejn għal bosta snin kien fil-kunvent tal-Belt. Fl-1994 insibuh fil-Kunvent tar-Rabat, Malta, fejn kien jieħu ħsieb il-kappella tal-Buskett u n-nies tal-inħawi. Wara erba’ snin intalab imur Sqallija, fil-belt ta’ Katanja, fejn l-Agostinjani Maltin kellhom knisja u kunvent fil-qalba tal-belt. F’din il-knisja kien hemm devozzjoni kbira lejn Santa Rita, soru Agostinjana meqjuma bħala l-qaddisa tal-impossibbli. Biżżejjed insemmu li fil-festa tagħha, kienu jattendu eluf kbar ta’ devoti; kienu jidħlu mill-bieb prinċipali tal-knisja u joħorġu mill-kunvent! Fis-snin li dam Katanja kien jieħu ħsieb spiritwalment iż-żgħażagħ li kienu l-ħabs. Billi f’Katanja hemm komunità sabiħa ta’ Maltin, kien jieħu ħsieb li regolarment jiltaqgħu flimkien biex tinżamm ċerta għaqda u fraternità, kemm fuq livell spiritwali kif ukoll fuq livell soċjali. Mal-kunvent kien hemm ukoll hostel imfittxija ħafna mill-Maltin speċjalment fil-festa ta’ Sant’Agata, il-qaddisa patruna ta’ Katanja. Lura Malta, insibuh f’ħidma pastorali għal kważi għaxar snin fil-kunvent tal-Agostinjani fil-gzira t’Għawdex. Illum qed iservi fil-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt u bħala kappillan tas-sorijiet klawstrali Agostinjani.
Patri Pawl hu saċerdot b’qalb pastorali kbira; dejjem għaddej b’sens qawwi ta’ servizz f’diversi parroċċi, skejjel u fejn ikun mitlub bħal meta kien imur f’Bona (fejn twieled Santu Wistin) l-Alġerija, jissostitwixxi xi patri minħabba mard jew raġunijiet oħra. Mhux biss; Patri Pawl qatt mhu se ssibu b’idejh fuq żaqqu! Dejjem iħabrek fix-xogħol tal-id, jaħdem u jirsisti kull fejn ikun hemm il-ħtieġa. Bħalissa fil-kunvent u l-knisja fejn qiegħed konventwali (il-Belt), għaddej xogħol kbir ta’ restawr. Lil Patri Pawl hemm issibu, dejjem mal-ħaddiema, għaddej kull ħin, jipprova jtawwal il-ġurnata ħalli jlaħħaq ma’ kollox u ma’ kulħadd!
Nawguraw lil Patri Pawl aktar snin ta’ ħidma fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej u nżommuh fit-talb tagħna. Kif wera x-xewqa hu stess, nitolbu għal aktar vokazzjonijiet reliġjużi u saċerdotali għax il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit!
AD MULTOS ANNOS
Ikkummenta