Progetti 1

Il-konservazzjoni u r-restawr tal-istatwa medjevali polikromatika ta’ San Ġwann il-Battista

Nhar l-24 ta’ Ġunju 2021, solennità tat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista, fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli ttellgħet serata li matulha ġie inawgurat il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr ta’ statwa ta’ Ġwanni l-Battista – patrimonju storiku u artistiku li nsibu fil-Knisja tagħna. L-ispejjeż għal dan il-proġett kienu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea. VALENTINA LUPO u MARIA GRAZIA ZENZANI, diretturi tal-kumpanija li ntgħażlet biex tagħmel dan ix-xogħol wara sejħa pubblika, jagħtu sfond storiku dwar l-istatwa, l-istat li kienet fih, l-istħarriġ li sar u l-proċess innifsu ta’ konservazzjoni u restawr. L-istatwa ttieħdet fil-faċilitajiet tal-kumpanija Atelier del Restauro nhar is-6 ta’ Settembru 2019 u damet hemmhekk madwar sena u nofs.

Sfond storiku u ikonografija

L-iskultura fl-injam ta’ San Ġwann il-Battista, li tmur lura għall-aħħar parti tal-Medjuevu, kienet tinsab fis-sagristija tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli. Hu maħsub li din l-istatwa nġiebet f’Malta fis-seklu sittax mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-Professur Mario Buhagiar kien l-ewwel studjuż li ta l-importanza mistħoqqa lil din il-biċċa xogħol tal-arti. Aktarx li din l-istatwa hija l-unika eżempju li fadal f’Malta ta’ skultura polikromatika fl-injam, li tinsab għaliha weħidha, mill-perjodu Gotiku tardiv.

L-istatwa għandha d-daqs ta’ bniedem robust, proporzjonijiet tajbin u turi numru ta’ attribwiti anatomiċi u dettalji li jagħtuha ċerta kwalità artistika. Il-figura hija miksija bil-ġilda tal-annimal tad-deżert, probabilment ġemel, li hi mlibbsa bħal tunika madwar il-qadd b’ċinturin tal-ħabel. It-tinjiet jaqgħu fi pjiegi riġidi lejn il-wiċċ u d-dwiefer tal-annimal tad-deżert. L-istil tagħhom jagħtihom sens ta’ disinn araldiku. Jista’ jkun li l-istatwa għandha rabta mal-Gran Caracca Sant’Anna (1522 – 1548), possibbilment bħala waħda mill-istatwi tal-kult li kienu jżejnu l-kappella tal-ġifen.

Fl-1684, il-Pirjol tal-knisja konventwali, Frà Pierre Vianny, ta din l-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista flimkien ma’ statwa oħra mnaqqxa ta’ San Ġakbu lill-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Is-somma ta’ 6 tari kienet imniżżla fil-ktieb tal-kontijiet tal-Grotta. Il-ħlas sar fit-8 ta’ Lulju 1684 lil żewġ irġiel li ġarrew dawn l-istatwi mill-Belt Valletta sal-grotta fir-Rabat. Ftit tas-snin wara, l-istatwi ġew trasferiti għall-knisja tal-parroċċa l-ġdida dedikata lit-tlugħ fis-sema tal-Madonna, f’Ħad-Dingli. Mhux magħruf fejn tinsab u x’inhi l-istorja tal-istatwa ta’ San Ġakbu minħabba li ilha nieqsa minn Ħad-Dingli għal xi żmien.

Matul is-snin, saru diversi interventi ta’ restawr lill-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista li iżda ma ġewx iddokumentati. F’intervent ewlieni, il-polikromija (l-arti tat-tpinġija b’diversi kuluri) tgħattiet b’kisja kannella skur, li biddlet din l-istatwa għal skultura monokromatika (lewn wieħed). L-unika intervent fuq l-istatwa li hu iddokumentat sar mill-artist u restawratur Oscar Testa (1909 – 1979) li fis-sittinijiet tratta l-istatwa kontra l-infestazzjoni tal-insetti. L-istatwa kienet qiegħda issofri minn infestazzjoni qawwija ta’ nsetti u kienet ikkurata permezz ta’ insettiċida li ġiet applikata b’siringa.

L-istat ta’ konservazzjoni

Minn osservazzjonijiet preliminari flimkien ma’ referenzi li saru fl-investigazzjonijiet xjentifiċi għal teżi tal-B.Cons. (Hons) ‘A Study of the Polychrome Wooden Statue of St John the Baptist Located at Dingli Parish Church’ – V. Lupo, May 2011, ġie konkluż li l-istatwa sarulha numru ta’ interventi ta’ restawr tul is-snin. F’intervent maġġuri il-polikromija ġiet mgħottija b’kisja kannella skur, li biddlet din l-istatwa għal skultura monokramatika. Taħt il-kisja preżenti hemm traċċi ta’ polikromija fuq l-istatwa, li juru li qabel kienet miżbugħa u indurata bid-deheb.

Ħadd ma jaf meta ġiet applikata din iż-żebgħa skura u r-raġuni għaliex l-istatwa kienet inbidlet f’waħda monokromatika. Jista’ jkun li l-polikromija tal-istatwa kienet ħżienet ħafna u ġie deċiż li l-istatwa tingħata kulur wieħed biex jgħattu xquq u polikromija li kienet meqruda. Hemm possibilta’ li ż-żebgħa monokromatika ġiet applikata biex tagħti lill-istatwa dehra aktar uniformi. Fil-passat, kienet proċedura komuni fir-restawr ta’ skulturi polikromatiċi li tiġi applikata polikromija ġdida biex tagħti valur lill-potenzjal artistiku tal-istatwa. Possibilment dan seta’ ġie applikat biex ‘jgħatti’ l-interventi ta’ restawr li saru fuqha. Jista’ jkun ukoll li dan ġie applikat biex l-iskultura tiġi addattata għal dak li kien popolari f’dak il-perjodu partikulari tal-istorja. Pereżempju, tul is-seklu tmintax fl-Italja xi skulturi polikromatiċi tal-injam inksew b’kulur kannella skur biex iġiegħlu l-istatwa tidher li kienet magħmula mil-bronż, li f’dak il-perjodu kien materjal meqjus iktar prestiġjuż mill-injam.

L-istat ħażin ta’ konservazzjoni tal-injam u l-fatt li taħt il-livelli ta’ żebgħa skura kienu jidhru sinjali ta’ polikromija, wasslu lill-parroċċa ta’ Ħad-Dingli biex tidħol għall-proġett ta’ konservazzjoni bil-għan li tinkixef il-polikromija oriġinali u l-induratura tal-istatwa. Il-proġett twettaq bejn l-2019 u l-2021, ġie fdat lill-kumpanija stabbilita Atelier del Restauro Ltd., u tmexxa minna: Maria Grazia Zenzani u Valentina Lupo – konservaturi professjonali.

Investigazzjoni xjentifika u tomografija kompjuterizzata (CT) Scan

Studji li kienu saru fil-passat dwar l-istatwa jindikaw li din tnaqqxet f’injam tal-ġewż. L-istess studji inkludew investigazzjoni tal-istrutta interna permezz ta’ radjografija x-ray. Minħabba xi limitazzjonijiet, dan il-mod intuża biss għal studju tar-ras tal-istatwa. Għalhekk, din id-darba ġie deċiż li l-istruttura interna tal-istatwa tiġi investigata fid-dettall bl-użu ta’ CT scan. CT scan jew tomografija kompjuterizzata hija sistema li tipproduċi rappreżentazzjonijiet tri-dimensjonali interni u anke esterni. Permezz tagħha wieħed ikun jista’ jara l-parti interna mingħajr metodi invażivi. F’dan il-każ, CT scan kien metodu mhux invażiv bżonnjuż biex wieħed jifhem l-istruttura u l-kompożizzjoni interna tal-istatwa, kif ukoll l-ispazji vojta fi ħdan l-istruttura tal-injam. Għal dan il-għan, l-istatwa ttieħdet fid-Dipartiment tal-Medical Imaging tal-iSptar Mater Dei, fejn saret scan tal-istatwa bl-użu tac-CT scanner tal-isptar.

Interventi ta’ konservazzjoni u restawr

Il-pjan ta’ konservazzjoni u restawr kien maħsub biex jippreserva l-materjali tal-istatwa u jwaqqaf milli l-qagħda tagħha tmur għall-agħar. It-trattament ippjanat ġie deċiż skont id-dokumentazzjoni preliminari u l-investigazzjoni xjentifika li saret. Wara analiżi dettaljata tal-istatwa u taħdidiet mal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli, ġie deċiż li l-interventi jinkludu tindif biex jitneħħa s-saff ta’ żebgħa kannella u b’hekk toħroġ il-polikromija oriġinali.

Dokumentazzjoni fotografika u grafika

Qabel ma bdew l-interventi ta’ konservazzjoni u restawr, saret dokumentazzjoni fotografika dettaljata permezz ta’ ritratti u dawl ultravjola. Din id-dokumentazzjoni fotografika saret anke waqt, kif ukoll wara, l-interventi ta’ konservazzjoni u restawr biex b’hekk ġew dokumentati fid-dettall il-fażijiet kollha tal-proġett.

Diżinfestazzjoni

Wara analiżi dettaljata tal-injam tal-istatwa, ġie konkluż li għalkemm kien hemm numru ta’ toqob assoċjati ma’ attivita’ minn insetti, ma kienx hemm infestazzjoni attiva. Għalhekk ġie deċiż li t-trattament kontra l-infestazzjoni mill-insetti isir lejn l-aħħar tal-pjan ta’ konservazzjoni, bħala miżura preventiva. Sar ukoll trattament anossiku tal-istatwa biex jiġu eliminati xi organiżmi li jtaqqbu l-injam. It-trattament anossiku ħa madwar xahar u b’hekk ta garanzija li jekk hemm xi insetti preżenti, fi kwalunkwe stadu tal-ħajja tagħhom, ġew diżinfettati.

Tindif: It-tneħħija ta’ saff żebgħa kannella

L-intervent twil u kumpless tat-tindif tal-istatwa involva t-tneħħija ta’ trab u ħmieġ li akkumula fuq il-wiċċ tagħha flimkien mas-saff żebgħa kannella. Dan kixef il-polikromija oriġinali tal-istatwa. Testijiet li saru f’din il-fażi tax-xogħol urew li kien hemm żewġ saffi oħra ta’ żebgħa kannella li riedu jitneħħew. Biex sar hekk, ġie applikat fuq il-wiċċ solvent b’bażi ta’ gel. Wara, sar tindif sewwa inkluż tlaħliħ, biex tneħħew xi fdalijiet li seta’ kien fadal. Din il-proċedura ġiet ripetuta biex tneħħew traċċi ta’ żebgħa li mhix l-oriġinali. F’żoni fejn kien hemm saffi ħoxnin ta’ żebgħa sar tindif mekkaniku bl-użu ta’ xafra kirurġika.

It-tneħħija ta’ dawn is-saffi ta’ żebgħa kixfet il-polikromija oriġinali tal-istatwa, li kienet tinkludi diversi kuluri. Barra minn hekk, dehru wkoll nuqqasijiet fl-injam. Inkixfu wkoll diversi toqob riżultat ta’ infestazzjoni ta’ insetti.

Waqt il-proċess dehru wkoll telf u grif fil-polikromija oriġinali. Barra minn hekk, fil-parti t’isfel tal-istatwa nstabu għadd ta’ stemmi minquxin fl-injam, armorial graffiti. Dawn il-graffiti kellhom numru ta’ stemmi kif ukoll is-salib ta’ Malta bi tmien ponot. Waħda minnhom tixbaħ lill-istemma ta’ Villiers de l’Isle Adam, indikazzjoni li jista’ jkun hemm rabta mal-Granmastru li ġab il-Kavallieri f’Malta. F’dan ir-rigward għaddejja aktar riċerka biex tiġi determinata l-oriġini u t-tifsira ta’ dawn il-graffiti.

It-tneħħija tal-mili ta’ xquq antiki

It-tindif tas-saffi taż-żebgħa wera li diversi xquq antiki kienu mimlija bil-ġibs. It-tneħħija ta’ dan il-ġibs sar bl-użu ta’ xfafar kirurġiċi. Ġie deċiż li x-xquq jitnaddfu sew għax dawn kienu nstabu fi stat ħażin ta’ konservazzjoni u l-materjal użat kien ta’ kwalita’ fqira. It-tneħħija tal-ġibs żvela telf kbir ta’ sapport tal-injam ikkawżat minn attivita’ mill-insetti. Ir-riżultat ta’ dan kollu kien li kellek partijiet mill-injam fi stat ħazin, b’partijiet mill-istruttura interna mitlufa għal kollox. Minħabba d-deterjorazzjoni li kien hemm, sibna ammont ta’ injam li sar trab.

Konsolidazzjoni

Dan l-istat wera l-ħtieġa ta’ konsolidazzjoni biex wieħed jgħaqqad mill-ġdid is-saffi tal-istatwa u jerġa’ jistabbilizza s-saħħa tal-injam. Taħlita miżjuda bl-ilma ta’ resin termoplastiku (15%/20% Paraloid B72) ġiet injettata f’dawn ix-xquq u qtugħ fis-saffi tal-istatwa.

Il-mili ta’ partijiet li kienu mitlufa u t-tisħiħ tal-injam

Billi l-istatwa hi vojta minn ġewwa kien meħtieġ li l-partijiet nieqsa jinbnew mill-ġdid bl-injam. Għal dan il-għan, intużaw biċċiet żgħar ta’ injam tal-għamla tulip. Fejn kien hemm telf aktar fond intuża l-balsite, li huwa materjal b’saħħtu u li jista’ jieħu diversi forom, jixbaħ lill-karatteristiċi tal-injam, u jippermetti s-sapport oriġinali tal-injam jespandi jew jiċkien skont it-tibdil fil-kundizzjonijiet ambjentali li jkun imdawwar bihom. Il-mili tax-xquq bil-balsite ġie llivellat sal-wiċċ tas-sapport tal-injam. Meta l-mili tax-xquq nixef, ġie applikat il-Gesso di Bologna biex dawn ix-xquq mimlija jilħqu l-livell taż-żebgħa. La darba nixef sar l-ixkatlar b’sand paper fina biex b’hekk il-wiċċ ġie lixx u kullimkien l-istess.

Ir-ri-integrazzjoni ta’ partijiet nieqsa

Fl-aħħar l-istatwa giet integrata kromatikament biss fejn kienu preżenti nuqqasijiet kbar fis-saff tal-ġibs. Rikostruzzjonijiet minn interventi tal-passat kif ukoll brix ma ġewx irtukkjati bħala evidenza tal-mogħdija taż-żmien u l-awtentiċità tal-iskultura. L-integrazzjoni mill-ġdid saret bl-użu ta gouache u kuluri tal-verniċ applikati f’toni newtrali, li jippermettu li s-saff taż-żebgħa oriġinali tħalla jidher fil-wiċċ. Fi tmiem il-proċess, l-istatwa ngħatat il-verniċ b’resin sintetiku li jiflaħ għal temperaturi għojin u għaż-żmien, kif ukoll b’karatteristiċi ottiċi li jixbħu ħafna lir-resin naturali. Fl-aħħar ingħatat ukoll verniċ satin biex tipproteġi il-polikromija u l-induratura kif ukoll tirfina il-preżentazzjoni estetika tagħha.

Konklużjoni

Bis-saħħa tal-konservazzjoni u r-restawr li sar f’dan il-proġett, raddejna lura biċċa xogħol fejn din l-immaġini ta’ San Ġwann il-Battista, li tant kienet minquxa u mpittra b’mod eleganti, tista’ tiġi apprezzata mill-ġdid fid-dettalji anatomiċi u mill-fattizzi espressivi u dettaljati tagħha. L-esperjenza tagħna fil-konservazzjoni u r-restawr tatna ċ-ċans li nagħmlu intervent ibbażat fuq teoriji moderni tar-restawr li kixfu l-oriġinalità tal-istatwa, b’mod li s-sinjali taż-żminijiet ma ntmissux. Il-kumpanija tagħna tinsab kburija li ġiet fdata b’din l-isfida u proġett importanti minħabba li din il-biċċa arti hija waħda mill-ftit eżempji ta’ skulturi tal-aħħar parti tal-Medjuevu f’Malta. It-tama tagħna hi li dan ir-restawr jagħti aktar valur lill-wirt artistiku ta’ Ħad-Dingli u jkompli fl-isforzi għall-ħarsien tal-patrimonju kulturali ta’ dan ir-raħal.

Il-kumpanija Atelier del Restauro twaqqfet fl-2012 u titmexxa minn Maria Grazia Zenzani, Valentina Lupo u Simon Dimech. Il-kumpanija ħadmet fuq diversi proġetti importanti ta’ konservazzjoni u restawr fuq skala nazzjonali fosthom: ix-xbieha ta’ Ġesù Redentur tal-Isla, il-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, l-ikona tad-Damaxxena fil-Belt, u l-koppli tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex u tal-Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.