Isqof Camilleri 3

Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju l-ġdid ta’ Toronto.

Nhar it-28 ta’ Novembru 2020, il-Papa Franġisku nnomina lil Dun Ivan Camilleri bħala Isqof Awżiljarju ta’ Toronto fil-Kanada u Isqof Titulari ta’ Teglata fin-Numidia. Il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli laqgħet bil-ferħ din l-aħbar billi missier l-Isqof, Benjamin, hu iben ir-raħal tagħna fejn għex sakemm iżżewweġ u mar joqgħod Tas-Sliema. Il-familja Camilleri emigrat lejn il-Kanada fl-1980. Monsinjur Ivan Camilleri għandu 52 sena, ġie ordnat saċerdot nhar it-12 ta’ Mejju 2007, u isqof nhar il-25 ta’ Jannar 2021, festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl. Hu wieħed minn erba’ Isqfijiet Awżiljarji tal-Arċidjoċesi ta’ Toronto li jassistu lill-Kardinal Thomas Collins. Il-Bord Editorjali jirringrazzja lill-Isqof Camilleri li aċċetta jikteb messaġġ għal din il-publikazzjoni.

Apprezzajt ħafna l-istedina biex nibgħatilkom messaġġ minn Toronto, il-Kanada, fejn bħalissa qiegħed nassisti lill-Kardinal Thomas Collins bħala wieħed minn erba’ Isqfijiet Awżiljarji tiegħu. Nixtieq nifirħilkom għal dan iż-żmien fejn qegħdin tiċċelebraw il-festa parrokkjali tagħkom.

Għaddew ftit tas-snin mill-aħħar darba li żort ‘l Ħad-Dingli, fejn twieled u trabba missieri Benjamin Camilleri, imma l-memorji sbieħ ta’ dan il-post jibqgħu dejjem qrib tiegħi. Niftakar li bħala tifel zgħir, fis-sebgħinijiet, ta’ kull sena kont niġi Ħad-Dingli mal-familja tiegħi f’Awwissu għall-festa parrokkjali. Hemmhekk kont niltaqa’ maz-zijiet u l-kuġini, kemm minn Ħad-Dingli kif ukoll minn partijiet oħra ta’ Malta. Minbarra l-esperjenza sabiħa ħafna tal-quddiesa, niftakar fil-purċissjoni bil-vara ta’ Marija Assunta madwar t-toroq tar-raħal, imħallta max-xeni u l-irwejjaħ tal-logħob tan-nar u l-gabbani tal-ikel . . . ir-riħa tat-trikkitrakki, imqaret, hotdogs, u qubbajd, kollha għadhom stampati f’moħħi . . . dawk kienu żminijiet aktar innoċenti għalina lkoll!

Il-familja tiegħi marret tgħix il-Kanada fl-1980 meta kelli 11-il sena. Bħala adult, iż-żjarat tiegħi f’Ħad-Dingli kienu jsiru l-aktar fil-perjodu kwiet ta’ Ġunju u Lulju, fejn kont inqatta’ l-ħin inżur lil qraba u ħbieb inkluż lil Dun Ġwann Abela, u naturalment lill-kuġin tiegħi Mons. Louis Camilleri. Waqfa fiċ-ċimiterju tar-raħal dejjem kienet tkun fuq l-aġenda, biex inżur lill-għeżież li għaddew qabilna; sfortunatament issa wkoll fosthom hemm Dun Ġwann.

Meta naħseb f’Ħad-Dingli dejjem niftakar fl-irdumijiet, fix-xemx sabiħa, is-sema blu, u bl-istess lewn imma aktar skur il-baħar. Bħala saċerdot li kont għadni kif ġejt ordnat, fl-2007 kelli unur kbir li niċċelebra quddiesa għall-familja estiża tiegħi fil-kappella iddedikata lil Santa Marija Maddalena fuq l-irdumijiet li kienet ippakkjata f’Ħadd filgħaxija. Monsinjur Louis Camilleri assistieni fil-quddiesa. Niftakar li bejni u bejn ruħi bdejt ngħid li jien kont l-uniku kurat fid-dinja li għandu Monsinjur jassistih għal nofstanhar.

Iż-żjarat fil-Knisja Arċipretali ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija għandhom tifsira speċjali għalija, peress li hemm midfun iz-ziju tiegħi, Carmel Camilleri. Hu kien seminarista li ġie ordnat djaknu fuq is-sodda tal-mewt tiegħu. Nitolbu li jinterċedi għalina lkoll bi grazzji speċjali.

Fis-servizz tiegħi hawnhekk f’Toronto, kelli x-xorti niltaqa’ ma nies ta’ oriġini Maltija kull fejn immur, speċjalment f’ministeri li qdejt fl-aħħar snin bħala bħala Kanċillier tal-Arċidjoċesi, Moderatur tal-Kurja, u Vigarju Ġenerali. Dejjem nistaqsi lill-Maltin minn liema belt jew raħal ġejjin. Jien kburi nsemmi li missieri kien minn Ħad-Dingli (ommi, Josephine, kienet minn Tas-Sliema, il-post fejn il-ġenituri tiegħi marru joqgħodu wara li żżewġu).

Ħad-Dingli għandu post distintiv fil-formazzjoni tiegħi bħala persuna. Ninsab grat għall-ħafna esperjenzi u nies li ltqajt magħhom f’dan ir-raħal. Ix-xewqa tiegħi għalikom hi li ssibu ħin u tirriflettu fuq n-natura speċjali tar-raħal tagħkom, u filwaqt li tiċċelebraw l-festa ta’ Marija Assunta tirringrazzjwha għall-barkiet u t-tjubija li turi magħkom matul is-sena kollha.

Nitlob għalikom u minn qalbi nawguralkom festa mill-isbaħ.

Mons. Ivan Camilleri

Isqof Awżiljarju ta’ Toronto

Isqof Titulari tat-Teglata fin-Numidia

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.