Progetti 11

Jitlestew tliet proġetti importanti

Fil-kotba tal-festa tal-aħħar snin ingħata tagħrif dwar numru ta’ proġetti importanti li l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli daħlet għalihom u li l-ħidma fuqhom kienet għaddejja. Din is-sena, il-Perit DAVID VASSALLO jagħti ħarsa lejn tliet proġetti li tlestew fix-xhur li għaddew flimkien ma’ xogħol ieħor li għadu għaddej.

Jitlesta l-proġett ta’ restawr u konservazzjoni b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea

Għaddew ħames snin minn meta fl-2016 il-parroċċa bdiet tħejji l-ewwel stimi u rapporti biex tapplika għal fondi Ewropej għar-restawr ta’ numru ta’ opri artistiċi. Kienu snin ta’ ħidma kontinwa flimkien mal-esperti mqabbda u li matulhom ġew irrestawrati:

  • il‑pedestall u n‑niċċa tal‑Madonna tar‑Rużarju;
  • l-istatwa tas-seklu sittax ta’ San Ġwann Battista, li hi maħsuba li nġiebet Malta mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann;
  • il‑pittura tal‑artist Portugiż Manuel Pereira li turi t‑tieġ bejn San Ġużepp u l‑Madonna;
  • il‑pittura tal‑Adorazzjoni tas‑Slaten Maġi;
  • il‑pittura tal‑Madonna tar‑Rużarju; u
  • 13‑il pittura tal‑Via Sagra.

Fil-ktieb tal-festa tas-sena li għaddiet kien inkluż artiklu dettaljat dwar ix-xogħol li sar fuq in-niċċa u l-pedestall tal-Madonna tar-Rużarju.  Fil-publikazzjoni ta’ din is-sena għandna żewġ artikli dettaljati miktuba mir-restawraturi: wieħed dwar l-istatwa ta’ San Ġwann u l-ieħor dwar ix-xogħol ta’ restawr fuq il-pitturi. Dawn l-interventi ta’ konservazzjoni u restawr swew b’kollox madwar €100,000.

Ma’ dawn il-fondi wieħed irid iżid spejjeż addizzjonali li l-parroċċa daħlet għalihom biex il-proġett ikun wieħed komplut. Fost dawn insemmu t-tindif professjonali tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju, xogħol l-iskultur Malti Karlu Darmanin, u numru ta’ studji speċjalizzati li ġew ikkummissjonati fuq l-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista. Dawn ix-xogħolijiet ma kinux inklużi fil-ko-finanzjament b’fondi Ewropej imma tħallsu kollha mill-fondi tal-parroċċa.

Il-proġett tar-restawr tal‑pedestall, in‑niċċa u l-istatwa tal‑Madonna tar‑Rużarju ġie ppreżentat lill-pubbliku f’serata apposta li saret fil-knisja nhar l-20 ta’ Awwissu 2020 u li kienet tinkludi spjega fid-dettall tal-interventi ta’ konservazzjoni u restawr mill-kumpanija Atelier del Restauro li għamlet dan ix-xogħol. L-istess sar fil-każ tal-konservazzjoni u restawr tal-istatwa ta’ San Ġwann Battista, fejn il-preżentazzjoni pubblika u l-ispjega dettaljata tal-esperti tal-kumpanija Atelier del Restauro saret nhar jum il-festa tal-qaddis, l-24 ta’ Ġunju 2021. Ir-restawr tal-pitturi se jiġi ppreżentat lill-pubbliku fil-jiem ta’ qabel il-festa ta’ din is-sena, nhar it-Tlieta 17 ta’ Awwissu, fejn bl-istess mod se ssir spjega tal-interventi li saru mill-esperti tal-kumpanija ReCoop.

Din kienet l-ewwel esperjenza tal-parroċċa tagħna fl-użu ta’ fondi Ewropej. Pero’ mhux se tkun l-aħħar waħda hekk kif diġa’ qed inħarsu ‘l quddiem għat-tieni sett ta’ proġetti li se jkunu qed isiru b’ko-finanzjament tal-Unjoni Ewropea. Id-dettalji dwar dan se jingħataw fil-ġimgħat li ġejjin.

Jitlesta ċ-ċentru ta’ child care

Wara li f’April 2020 inħareġ il-permess tal-iżvilupp mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, mill-ewwel nbeda x-xogħol strutturali li kien meħtieġ biex il-parti ta’ quddiem tal-binja tinfired mill-parti ta’ wara (li se tibqa’ tintuża bħala maħżen tal-festa). Ix-xogħol fuq ġewwa sar minn kuntrattur privat imqabbad mill-parroċċa filwaqt li x-xogħol fil-bitħa sar mill-ħaddiema mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

Wara dan kien imiss it-tlestija (finishing) tal-binja fejn il-parroċċa ħadet ħsieb li jsiru s-sistemi ta’ dawl, ilma u drenaġġ, il-kisi u l-ewwel żebgħa tal-ħitan fuq ġewwa, it-tlestija tal-faċċata fuq il-fil fuq barra u l-aperturi li jagħtu għal barra. L-art fuq ġewwa u l-madum tal-bitħa tħallsu bejn il-parroċċa u l-operatur skond kif mifthiem. Sadattant, l-operatur ħa ħsieb il-bqija tal-finishes fuq ġewwa fosthom partitions, żebgħa, faċilitajiet sanitarji, aperturi interni u l-għamara u l-attrezzamenti kollha meħtieġa.

Hekk kif ġie konkluż ix-xogħol kollu fuq it-tlestija tal-binja saru diversi spezzjonijiet mill-awtoritajiet konċernati li taw l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa biex il-post jibda jopera. Iċ-ċentru ta’ child care beda jiffunzjoni f’dawn l-aħħar ġranet u l-inawgurazzjoni uffiċjali se ssir nhar is-Sibt 7 ta’ Awwissu, 2021.

Jitlesta l-proġett tad-Domus

Fil-ktieb tal-festa tas-sena li għaddiet tajt sfond storiku tal-binja tad-Domus flimkien mad-dettalji tal-ewwel xogħol li kien beda fil-bidu tal-2020 biex il-post jiġi rranġat. Filwaqt li l-ħsieb oriġinali kien li fil-post isir raff fejn jista’ jintrefa l-mant tal-istatwa titulari la darba jkun lest, hekk kif beda x-xogħol rajna li l-post għandu potenzjal kbir u kien iktar għaqli li l-post jiġi rrestawrat u rranġat b’mod li jkun jista’ jakkomoda parti mill-wirt li għandha l-Parroċċa.

L-ewwel ma sar kien xi tiswijiet meħtieġa fl-istruttura tas-saqaf billi nbidlu xi xorok miksura u travi tal-injam li kienu deterjorati. Imbagħad tneħħa l-kisi minn mal-ħitan u sar tikħil ġdid tal-fili biex inġiebu fuq stil antik ‘fuq il-fil’. Inqala’ l-madum ‘tal-mużajk’ li kien sar xi snin ilu u minfloku sar madum Malti fuq stil pariġġ il-partijiet tal-art l-oriġinali li għadhom jeżistu u saret ukoll sistema ġdida tal-elettriku addattata għall-post. Saru wkoll aperturi ġodda tal-injam filwaqt li l-bieb ta’ barra, li għandu valur storiku peress li kien il-bieb prinċipali tal-knisja l-antika, ġie restawrat. Fuq ġewwa nħadmu vetrini ġodda tal-injam u l-ħġieġ li fihom se jintrefgħu l-istatwi li jintramaw fuq barra fi żmien il-festa flimkien ma’ patrimonju ieħor tal-parroċċa biex, filwaqt li jkunu mħarsa kif xieraq, ikunu jistgħu jitgawdew matul is-sena kollha.

Fuq barra tal-binja tnaddfu l-ħitan, sar pavimentar ġdid taż-żonqor b’dawl inkorporat fih, saru faċilitajiet sanitarji ġodda u grada ġdida tal-ħadid. Sadattant, fl-aħħar ġranet tpoġġa f’dan l-ispazju is-salib l-antik tal-franka li kien hemm fuq il-frontispizju tal-knisja u li s-sena l-oħra nbidel ma’ salib ġdid taż-żonqor.

F’isem il-parroċċa tfajt ukoll l-applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar biex issir estenzjoni fl-ewwel sular bil-ħsieb li din tkun takkomoda l-mant tal-istatwa titulari li l-parroċċa għandha ħsieb li tagħmel.

Salib ġdid għall-frontispizju, manutenzjoni tal-apramorta u r-restawr tal-ħajt l-antik tal-knisja

Fl-2017, f’isem il-parroċċa kont issottomettejt l-applikazzjonijiet u nħarġu l-permessi tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u tal-Awtorita’ tal-Ippjanar (PA/02788/17) biex isiru tliet interventi ta’ manutenzjoni u restawr fuq il-binja tal-knisja parrokkjali minn barra:

  • il-bdil tas-salib tal-frontispizju minn dak eżistenti tal-franka bil-konkos u l-ħadid għal wieħed taż-żonqor;
  • il-manutenzjoni tal-opramorta mad-dawra tal-bejt tal-knisja; u
  • ir-restawr tal-ħajt l-antik fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja.

Is-salib il-ġdid taż-żonqor inħadem mill-kumpanija Agius Stone Works minn blata miġjuba minn Għawdex. Id-disinn dettaljat tas-salib u l-bażi tiegħu sar mis-Sur Vincent Centorino u x-xogħol kollu tħallas mill-Ministeru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali. Ix-xogħol fuqu tlesta ftit qabel il-festa tas-sena li għaddiet u nġieb Ħad-Dingli nhar l-14 ta’ Awwissu 2020. Imbagħad, lejliet il-festa ta’ dik is-sena, proprju nhar it-22 ta’ Awwissu 2020, ġie mbierek mill-Arċipriet waqt ċerimonja li saret fuq iz-zuntier tal-knisja.

Is-salib ittella’ u tpoġġa f’postu fil-frontispizju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru 2020. Huwa ppjanat li fix-xhur li ġejjin jiġi stallat dawl addattat biex is-salib ikun jista’ jitgawda matul is-sena.

Sadattant, bi pjaċir inħabbru li fix-xhur li għaddew il-parroċċa akkwistat fondi Ewropej mill-Majjistral Action Group Foundation taħt il-miżura tar-Restawr ta’ Assi u Siti ta’ Valur Artistiku u Kulturali biex tiġi restawrata l-opramorta mad-dawra tal-bejt tal-knisja. Dan ix-xogħol mistenni jibda fil-ġranet li ġejjin.

Ukoll, permezz ta’ fondi mill-Ministeru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, fil-ġimgħat li għaddew beda x-xogħol ta’ restawr tal-ħajt l-antik fuq in-naħa t’isfel tal-binja tal-knisja.

Il-maħżen tal-armar

Kif spjegajt iktar ‘il fuq meta tkellimt dwar il-proġett taċ-child care, dak il-proġett ġie ppjanat b’mod li l-parti ta’ wara tal-binja tibqa’ tintuża bħala maħżen tal-festa b’aċċess separat minn Triq il-Maddalena (mill-ispazju llum vojt bejn il-bini u ċ-ċimiterju). Il-permessi għal dan il-proġett tal-maħżen huma approvati u fix-xhur li għaddew inbdew l-ewwel xogħolijiet żgħar strutturali fuq ġewwa tal-binja. Il-ħsieb huwa li matul is-sena li ġejja jitlesta x-xogħol kollu strutturali li hemm bżonn isir fuq barra biex il-post ikollu l-aċċess ġdid kif ippjanat u jibda xogħol ta’ finishing biex dan il-post bżonjuż ikun jista’ jibda jintuża kemm jista’ jkun malajr.

10 snin mill-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Parrokkjali

Meta nħarsu lura napprezzaw aktar kemm il-kontribut tagħna lill-parroċċa jissarraf f’inizjattivi ta’ ġid għall-komunita’.  Fl-1 ta’ Mejju 2021 fakkarna l-10 snin mill-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Parrokkjali ‘Familja Mqaddsa’ li nbena u ġie attrezzat bil-ġenerożita’ tal-poplu ta’ Ħad-Dingli.  Nafu kemm fl-aħħar għaxar snin dan il-post serva ta’ ġid għall-komunità tagħna.

Fost l-oħrajn f’din il-binja nsibu l-Uffiċċju Parrokkjali.  Fl-aħħar xhur, meta minħabba l-miżuri tal-pandemija l-uffiċċju kien qiegħed jiftaħ biss b’appuntament, saru żewġ biċċiet xogħol li għandhom jissarrfu f’servizz aħjar la darba l-uffiċċju jerġa’ jiftaħ b’mod regolari.  L-ewwelnett inbidlet l-għamara li kienet saret mal-erbgħin sena ilu meta l-uffiċċju kien fid-Dar Parrokkjali.  L-għamara ma nbidlitx għad-dehra imma biex inħoloq biżżejjed spazju biex fl-Uffiċċju Parrokkjali jinġabar l-arkivju kollu tal-parroċċa.  It-tieninett ġie ri-organizzat il-materjal kollu fl-arkivju tal-parroċċa.  Din il-biċċa xogħol involviet sigħat twal ta’ xogħol minn voluntiera li huma professjonisti fl-istorja u l-amministrazzjoni pubblika.  Ħames xhur xogħol issarrfu fl-għażla, katalogar u stivar tal-materjal kollu li jifforma l-Arkivju Parrokkjali.  Ħafna minn dan il-materjal kien għadu merfugħ fid-Dar Parrokkjali.  Wara l-festa, nixtiequ li nibgħatu għar-restawr xi pjanti u dokumenti antiki li ż-żmien għamel tiegħu fuqhom.  Nistmaw li jonqos xahrejn oħra ta’ xogħol volontarju biex dan il-proġett ikun magħluq.

Il-parroċċa qrib il-komunita’ matul il-pandemija tal-COVID-19

Kienu diversi l-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar tnax-il xahar biex filwaqt li jiġu rispettati r-restrizzjonijiet ordnati mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, il-parroċċa tibqa’ qrib il-komunità.  Fil-qasam tax-xandir tal-kelma, kruċjali kienet il-paġna tal-facebook ‘Parrocca Ħad-Dingli’.  Insemmu b’mod partikulari inizjattivi li ttieħdu fil-perjodu ta’ ‘l fuq minn 5 ġimgħat (bejn Marzu u April 2021)  li matulhom ma ġietx iċċelebrata quddiesa fil-pubbliku, ħlief għall-funerali.    Għat-tieni sena infila, il-parroċċa żammet kuntatt mill-qrib man-nies fiż-żmien għażiż tal-Ġimgħa Mqaddsa permezz tal-media soċjali fosthom bi produzzjonijiet u xandir dirett tal-funzjonijiet mill-Knisja Arċipretali.

Fost inizjattivi oħra fl-aħħar tnax-il xahar kien hemm il-Ġimgħa Familja li saret kollha online fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru b’messaġġi apposta lill-familji Dinglin mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Mario Grech u Monsinjur Arċisqof, Charles J. Scicluna.  Fl-istess ġimgħa kellna wkoll taħdidiet minn tabib tal-familja, psikjatra, uffiċjal tal-Aġenzija Appoġġ u sesswologu.  

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju, solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, id-dinja Kattolika ngħaqdet bil-media soċjali għal inizjattiva internazzjonali li nvolviet 24 siegħa rużarju għall-qdusija tas-saċerdoti. Minn Malta ntgħażlu tliet postijiet, biex fi tliet ħinijiet partikulari ntalab ir-rużarju, fosthom mill-kappella ta’ Santa Marija Maddalena, fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli.  Ir-rużarju tmexxa mill-Arċipriet, Dun Mark Mallia Pawley bil-parroċċa ħadet ħsieb tikkoordina l-produzzjoni li xxandret madwar id-dinja. 

Kelma ta’ radd il-ħajr lil ħafna għall-għajnuna u s-sostenn fil-ħajja tal-parroċċa

Il-parroċċa tirringrazzja lil kull min jgħin b’modi diversi bħal b’għoti ta’ donazzjonijiet u sehem f’inizjattivi ta’ fund-raising.  Fl-aħħar tnax-il xahar sar ħafna xogħol mingħajr ħlas minn persuni li għandhom għal qalbhom il-knisja bħal tindif ta’ fided u arkati ġodda tal-injam kompluti bid-dawl biex fil-festa jiddawwlu partijiet mill-kampnari.  Inħadmet ukoll forma bl-injam tas-salib tal-frontispizju biex fi żmien il-festa jiddawwal bil-mod tradizzjonali.  Għall-festi sekondarji, sar sett ta’ twapet ġodda għall-presbiterju u kaxxi ġodda tal-injam li ġew indurati għal taħt sett ta’ statwi ta’ evanġelisti u żewġ appostli li jintramaw fuq l-artal maġġur.

Radd il-ħajr ukoll lil dawk kollha li anke fl-aħħar xhur ta’ sfida minħabba l-pandemija baqgħu jagħtu ħidma volontarja fil-parroċċa fosthom fil-Knisja b’xogħol ta’ sagristana, armar, tindif, fjuri, ushers, kant u animazzjoni tal-liturġija, u permezz tal-media soċjali.  Grazzi wkoll lil dawk li baqgħu jagħtu mill-ħin tagħhom bla ma jieħdu xejn lura fl-amministrazzjoni, liturġija u pastorali, attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, manutenzjoni u proġetti, tqassim ta’ fuljetti fid-djar, u l-kura taċ-ċimiterju, iċ-Ċentru Parrokkjali u l-Kappella tal-Adorazzjoni.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.