Pittura 2

Jitlesta l-konservazzjoni u r-restawr tat-titular tal-artal tal-Madonna tar-Rużarju, ta’ żewġ kwadri kbar fil-kor u tal-kwadri tal-Via Sagra

Fl-aħħar sena tlesta x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr tal-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju akkumpanjata minn San Duminku, Santa Katerina ta’ Siena u San Tumas ta’ Akwinu; il-pitturi tal-Adorazzjoni tas-Slaten Maġi u ż-Żwieġ tal-Madonna ma’ San Ġużepp; u tlettax il-kwadru tal-Via Sagra. L-ispejjeż għalihom ġew kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea. RODERICK ABELA, restawratur u wieħed mid-diretturi tal-kumpanija ReCoop li għamlet dan ix-xogħol, jagħtina sfond storiku dwar dawn ix-xogħlijiet ta’ arti li jżejjnu l-knisja tagħna u jispjega l-interventi li saru fil-perjodu li għamlu fil-faċilitajiet tal-kumpanija.

Il-proġett kollu fdat f’idejn ReCoop kien jinvolvi l-konservazzjoni u r-restawr ta’ 16-il pittura u l-gwarniċ tagħhom. Il-kwadri tal-Via Sagra, li jinsabu mqassmin 7 f’kull navata, ftit li xejn insibu tagħrif dwarhom. Huma xogħol tas-seklu 18 iżda l-artist mhux magħruf. Ir-raġuni għalxiex dan il-proġett kien jinvolvi interventi fuq 13 mill-14-il kwadru li jirrappreżentaw il-mixja ta’ Ġesù fit-triq tas-salib hi li wieħed mill-kwadri kien ġie restawrat diġà fis-sena 2015. Il-pitturi tal-Adorazzjoni tas-Slaten Maġi u ż-Żwieġ tal-Madonna ma’ San Ġużepp li jinsabu faċċata ta’ xulxin fil-kor kienu magħmula fis-seklu 17. Filwaqt li l-artist tal-Adorazzjoni tal-Maġi mhux magħruf, il-kwadru li juri ż-Żwieġ tal-Madonna ma’ San Ġużepp hu xogħol l-artist Portuġiż, Manuel Pereira. Infatti wieħed jista’ jara l-firma ta’ dan l-artist fil-parti ta’ isfel tal-kwadru, in-naħa tal-lemin. Fuq dawn iż-żewġ pitturi wieħed jista’ jara l-emblema tal-familja Inguanez li tindika li din il-familja setgħet ikkummissjonat il-pitturi jew saħansitra ħallset għalihom. Minn dokumentazzjoni preżenti, dawn il-pitturi għamlu xi żmien fil-kappella ddedikata lil Marija Maddalena li tinsab fuq l-irdum ta’ Ħad Dingli u nġiebu fil-knisja mal-40 sena ilu. Min-naħa l-oħra, il-pittura tal-artal tal-Madonna tar-Rużarju hi tas-seklu 18. Għandha l-armi tal-familji Inguanez u Testaferrata flimkien, f’emblema waħda. Kien jidher ċar li dawn il-kwadri kellhom bżonn ta’ intervent ta’ restawr u konservazzjoni peress li l-verniċ kien skura ħafna u b’hekk il-pitturi ma baqgħux aktar vivaċi. L-istruttura tal-kwadri ma’ kinitx għadha tajba u kienu bdew jintelqu. Dan wassal biex partijiet miż-żebgħa bdiet taqà ukoll!

Wara spezzjoni tal-kwadri fuq il-post, u wara li ġew diskussi mas-supervisor tal-proġett, Dr Mark Sagona, ġie stabbilit li l-kwadri jistgħu jittieħdu fil-laboratorju tar-restawr. Nhar it-12 ta’ Marzu 2020 ittieħdu mill-knisja t-3 kwadri l-kbar waqt li fil-11 ta’ Mejju 2020 ittieħdu t-13-il kwadru tal-Via Sagra. Fil-faċilitajiet tal-kumpanija, fic-Central Business District fl-Imrieħel, saru l-ewwel fażijiet ta’ dokumentazzjoni bil-kwadri ġew fotografati waqt li ttieħdu wkoll ritratti tal-ultra violet u l-infra red. Tajjeb ngħidu li dan il-proċess ta’ dokumentazzjoni hu importanti ħafna għar-restawraturi għax b’hekk ikunu jistgħu jidentifikaw bl-aktar mod ċar il-process ta’ restawr li jkun hemm bżonn fuq kull pittura. Dawn ir-ritratti għenu biex jiġi identifikat b’mod aktar preċiż il-partijiet fejn il-kwadri kellhom restawr u interventi li kienu saru fil-passat. Minn din id-dokumentazzjoni ġie stabbilit li l-kwadri kellhom ħafna ħmieġ u li l-verniċ kien sfar biż-żmien u li kien qed itellef l-aspett estetiku tal-kwadri. Ġew identifikati wkoll numru ta’ postijiet fejn kien hemm irtokk żejjed u li kien qed ikopri partijiet sew mill-oriġinal. Il-kwadri kollha kellhom bżonn li ssirilhom tila ġdida biex issaħħaħ l-istruttura tagħhom peress li t-tila oriġinali kienet intelqet biż-żmien. Interventi li kienu saru fil-passat ma baqgħux aktar b’saħħithom.

Il-proċess fiżiku tar-restawr beda billi saru interventi ta’ konsolidazzjoni biex jiġu msaħħa partijiet li kienu fraġli u f’periklu li jintilfu. Wara dan il-proċess, bdew jsiru diversi testijiet tat-tindif f’diversi partijiet biex b’hekk tinstab l-aħjar metodoloġija għal dan ix-xogħol. Waqt it-tindif, ħareġ ċar mill-ewwel, li l-kwadri skuraw ħafna u li l-kuluri oriġinali kienu għadhom vivaci u b’saħħithom. Bil-mod il-mod waqt l-intervent tat-tindif, ħarġet aktar ċara t-teknika tal-artisti li ħadmu dawn il-kwadri kif wkoll tneħħa dak kollu li kien meqjus żejjed, bħal irtokk antik u ġibs li kien qiegħed fuq l-oriġinal.

Wara l-proċess tat-tindif, il-kwadri kollha sarilhom intervent ta’ rintilar. Il-proċess beda billi tpoġġiet karta Ġappuniża fuq quddiem tal-pitturi biex isservi ta’ protezzjoni waqt l-intervent tar-rintilar. Il-pitturi mbagħad tneħħew minn fuq it-tilari tal-injam tagħhom, ġew imnaddfa sew minn wara u twaħħlet tila ġdida biex il-pitturi setgħu jkunu strutturalment stabbli għal darb’oħra. Apparti dan il-proċess, sar studju fuq it-tilari tal-injam tal-pitturi kolha u ġie stabbillit li t-tilari kellhom bżonn isiru ġodda biex jagħtu aktar stabilita’ lil pitturi. Kif il-proċess kollu kien lest, il-pitturi reġgħu ġew stirati fuq tilar ġdid tagħhom.

Wara dan l-intervent, tneħħiet il-karta ta’ protezzjoni li kellhom fuq quddiem, ġew imnaddfa u sar mili bil-ġibs fejn kien hemm nuqqasijiet tal-kuluri oriġinali. Wara din il-fażi, kien imiss il-proċess tal-irtokk bil-kuluri tar-restawr apposta, li huma prodotti riversibbli u ma jagħmlux ħsara lill-pitturi. L-aħħar intervent kien li l-pitturi ngħatalhom diversi passati ta’ verniċ biex b’hekk jiġu ppreservati u protetti.

Apparti l-pitturi, sar ukoll xogħol ta’ restawr fuq il-gwarniċi tagħhom. Il-gwarniċi tal-Via Sagra nstab li kellhom ħafna interventi u tiswijiet li kienu saru fil-passat li kellu bżonn jitneħħa. Waqt il-proċess ta’ tindif instab li l-iskrizzjoni oriġinali kienet bit-Taljan minflok bil-Malti. Kien għalhekk li dawn l-interventi tneħħew biex setgħu jitgawdew fl-istat kif kienu maħsuba orġinarjament. L-induratura kienet magħmula mill-fidda u kellha passati ta’ shellac biex jiġi lewn id-deheb b’faxx iswed mad-dawra tal-kwadru u fuq is-salib. L-intervent beda bil-proċess ta’ konsolidazzjoni tal-partijiet fraġli, u wara sar t-tindif, kif ukoll integrazzjoni b’ġibs ġdid fejn kien mitluf, biex ikun lest għall-induratura. Wara, l-induratura l-ġdida ġiet integrata mal-oriġinali u reġa’ ġie mogħti x-shellac.

Il-gwarniċi tal-Adorazzjoni tas-Slaten Magi u taż-Żwieġ tal-Madonna u San Ġużepp, kienu saru b’induratura tar-ram. Biż-żmien, partijiet tal-gwarniċi kienu ħdaru. Dan l-intervent jitqies bħala wieħed riċenti u ma kienx jagħmel parti mill-ħsieb oriġinali. Għalhekk, wara diskussjoni bejn l-Arċipriet, is-supervisor u r-restawraturi, ġie deċiż kif dan l-intervent jitneħħa u minflok issir induratura ġdida bil-folji tad-deheb pur, bis-sistema tradizzjonali tal-bolo. Il-gwarniċ tal-Madonna tar-Rużarju kien diġà indurat bid-deheb. Għalhekk ġie mnaddaf u saret induratura ġdida fejn kien mitluf, biex jiġi integrat mal-oriġinali. Qabel ir-restawr, il-gwarniċ tal-Madonna tar-Rużarju, kien imsammar direttament fuq il-pittura. Dawn l-imsiemer kienu qed jagħmlu ħsara lil pittura u kien għalhekk li nbidlet is-sistema ta’ kif dawn jitwaħħlu lura mal-pittura. B’hekk tiġi evitata l-ħsara.

Wara dan il-proċess ta’ restawr u konservazzjoni, wieħed jista’ jara li l-kuluri oriġinali kienu ħafna iktar vivaċi, dettaljati u li ħafna mill-pittura oriġinali kienet għadha kollha preżenti. Ħafna mid-dettalji ta’ dawn il-pitturi ma setgħux jitgawdew minħabba numru konsiderevoli ta interventi żejda li kienu saru fil-passat, li grazzi għal dan ir-restawr, issa tneħħew. Tajjeb li wieħed jinnota li l-kwadri tal-Adorazzjoni tas-Slaten Maġi u taż-Żwieġ ta’ San Ġużepp mal-Madonna, setgħu kienu akbar fil-passat u li dawn ġew imċekkna biex ikunu jistgħu joqgħodu fil-post il-ġdid tagħhom fil-Knisja Arċipretali. Mill-banda l-oħra, il-kwadru tal-‘Madonna tar-Rużarju’, jidher li għadda minn proċess strutturali iktar minn darba. Mir-restawr li sar fuq din l-pittura, sibna dettalji li kienu moħbija li jissuġerixxu li dan il-kwadru kien oriġinarjament akbar u maż-żmien, iċċekken. Jidher ċar, li meta sab postu fejn hu illum, dan il-kwadru reġa’ ġie mkabbar, sabiex ikun jista’ joqgħod fil-gwarniċ tal-ġebla li hemm fuq l-artal.

Nhar is-27 ta’ Awwissu 2020 twaħħlu lura f’posthom ż-żewġ kwadri l-kbar tal-kor. Fl-ewwel jiem ta’ Settembru 2020 ġew ritornati mill-faċilitajiet tal-kumpanija t-13-il kwadru tal-Via Sagra li minnufih iddendlu f’posthom fin-navi. Nhar l-10 ta’ Novembru 2020 twaħħal f’postu mill-ġdid il-kwadru tal-artal tal-Madonna tar-Rużarju. B’dan il-proġett, il-pubbliku jista’ jgawdi pitturi ħafna isbaħ, b’kuluri aktar vivaċi u strutturalment b’saħħithom. Ix-xogħol kien possibli bil-ħidma li saret mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li għalih nkisbu fondi mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-kwadri jkomplu jarrikku u jsaħħu l-esperjenza tad-ditta ReCoop Ltd, li għandha esperjenza vasta fuq l-istudju u l-konservazzjoni tal-pitturi. ReCoop ilha attiva fil-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr mill-2003 fejn ħadmet fuq diversi proġetti kbar li jinkludu diversi pitturi ta’ importanza storika u kulturali, fosthom mill-artisti Stefano Erardi, Mattia Preti u Stefano Pieri. ReCoop tixtieq tirringrazzja lill-Arċipriet ta’ Ħad-Dingli, Dun Mark Mallia Pawley; lil Dr Mark Sagona, akkademiku fid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta li kien nominat mill-parroċċa bħala supervisor tal-proġett; u ‘l kull min kien involut għall-possibbilita’ li giet mogħtija biex taħdem fuq dan ix-xogħol.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.