avvizi parrocca

Avvizi – 31.10.2021

Avviżi – 31.10.2021

It-Tifkira tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja

1. Bħal ma qiegħed isir f’ħafna knejjes oħra f’Malta, illum aħna wkoll qegħdin infakkru l-ġrajja tas-26 ta’ Marzu 1939 meta l-Knisja tagħna ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Mikiel Gonzi.

2. Matul il-lejl li għadda ntemm il-ħin tas-Sajf u għalhekk mil-lejla l-quddiesa tal-Ħadd filgħaxija tibda tkun fl-4.30 p.m.

3. Fi tmiem din il-ġimgħa, 32 adoloxxent mill-parroċċa tagħna se jkunu qegħdin jirċievu s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Nawgurawlhom u nitolbu għalihom.

4. Din is-sena għall-kitba tal-intenzjonijiet tal-quddiesa għall-2022 se jsir hekk. Fuq il-mejda tal-offerti hemm formoli li tistgħu teħduhom magħkom id-dar, timlewhom u mis-Sibt li ġej iġġibuhom magħkom il-Knisja u tħalluhom f’envelope magħluq fil-kaxxa li hemm fuq il-mejda tal-offerti. Kollox hemm spjegat fid-dettall fil-formoli li tistgħu tieħdu minn fuq il-mejda tal-offerti.

5. Nhar it-Tnejn tkun il-festa tal-Qaddisin Kollha u t-tifkira minn meta l-Papa Piju XII iddikjara bħala domma ta’ fidi t-tlugħ fis-sema tal-Madonna. Il-ħinijiet tal-quddiesa jkunu bħal ta’ fost il-ġimgħa.

6. Nhar it-Tlieta, il-Knisja tfakkar l-Għid tal-Imwiet meta aħna mħeġġa nitolbu b’mod speċjali għall-erwieħ tal-purgatorju.

Filgħodu l-ħinijiet tal-quddiesa fil-parroċċa tagħna ser ikunu: fis-6.00, is-6.45, is-7.30 u t-8.15. Filgħaxija jkollna quddiesa fis-6.30 li tkun konċelebrazzjoni bis-sehem tal-Kor Parrokkjali. Il-kor jieħu sehem ukoll fil-quddiesa tat-Tnejn filgħaxija.

7. Matul ix-xahar ta’ Novembru ċ-Ċimiterju tal-parroċċa jkun miftuħ kuljum mis-7.30am sal-4.00 pm. Importanti niftakru li dan hu post sagru u għalhekk hu post riżervat għat-talb, ir-rispett u l-ġabra. Nappellaw ukoll għall-koperazzjoni ta’ kulħadd biex tinżamm l-indafa u jintużaw l-bins provduti. It-tberik tal-oqbra ser isir mill-Arċipriet nhar il-Ħadd li ġej b’mument ta’ talb fiċ-Ċimiterju li jibda fl-4.00 p.m. Il-quddiesa għall-ħutna l-mejtin issir wara fil-Knisja.

8. L-adorazzjoni tal-Ħamis li ġej wara l-quddiesa ta’ filgħaxija se titmexxa mill-Għaqda tal-Kompensatriċi.

9. Il-Ġimgħa li ġej filgħaxija qed nistiednu lill-irġiel għall-attivita’ annwali li l-parroċċa torganizza għalihom. Nibdew bil-quddiesa tas-6.30 p.m. fil-Knisja u wara jkollna ikla f’Taċ-Ċanti, Ħaż-Żebbuġ. L-attivita’ ser issir b’ħarsien tad-direttivi tas-saħħa. Il-booking hu miftuħ mis-sagristija jew tistgħu tkellmu lill-Arċipriet sa nhar l-Erbgħa filgħaxija.

10. Nhar il-Ħadd ikun l-ewwel Ħadd tax-xahar u għalhekk ikollna l-ġabra speċjali.

11. Fil-jiem li għaddew oħtna Karmena Galea għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem . . .

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.