avvizi parrocca

Avvizi – 14.11.2021

Avviżi – 14.11.2021 – It-33 Ħadd Matul is-Sena

1. Fil-parroċċa tagħna qed nagħtu bidu għall-Ġimgħa Familja bit-tema “Ilkoll Aħwa”. Minn għada t-Tnejn sa nhar il-Ħamis ser isiru laqgħat għall-koppji miżżewġa u għarajjes fis-7.00 p.m. fiċ-Ċentru Parrokkjali. Jekk verament inħobbu l-familja tagħna, irridu ninvestu fiha u dan hu mezz li l-parroċċa qed toffrielkom b’laqgħat b’suġġetti attwali li se jkunu ndirizzati minn kelliema esperti. Waqt il-laqgħat ser ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal fiċ-ċentru stess. Il-Ġimgħa mbagħad il-familji huma mistiedna għal mument ta’ adorazzjoni fil-Knisja li jibda wkoll fis-7.00 p.m. Programm dettaljat tal-Ġimgħa Familja qed jitqassam fid-djar kollha. Inħeġġiġkom tattendu.

2. Illum fil-quddiesa tad-9.30 a.m. se ssir preżentazzjoni mis-Sur Joseph Gerada li jmexxi Dar Fra Diegu dwar kif intefqu l-flus li familji Dinglin taw fil-Milied tas-sena l-oħra. Min jixtieq jista’ jiġbor mingħand l-Arċipriet envelope bid-dettalji dwar kif jista’ jagħti rigal lil dawn it-tfal għall-Milied ta’ din is-sena.

3. Il-ġabra speċjali tal-Ħadd li għadda kienet ta’ € 750. Nirringrazzjakom tal-offerti tagħkom. Xtaqt ninfurmakom li din il-ġimgħa sar xogħol ta’ stallazzjoni ta’ elettriku fis-sagristija u t-tikħil neċessarju, twaħħal madum ġdid għat-toilet tal-knisja wara li nbidlu s-servizzi, u beda programm ta’ manutenzjoni ta’ rutina fiċ-Ċentru Parrokkjali li wara 10 snin jopera wasal iż-żmien li nduruh biex inżommuh fl-aħjar stat possibbli. Kompla wkoll ix-xogħol ta’ organizzazzjoni tal-Arkivju Parrokkjali.

4. Il-Kumitat Festa Esterna qiegħed jippubblika r-rendikont finanzjarju tal-festa ta’ din is-sena. Id-dħul fit-tnax-il xahar sal-aħħar ta’ Awwissu kien ta’ €18,270. L-inizjattivi li ttieħdu għall-festa ta’ barra ta’ din is-sena swew €6,930. Kif nafu fl-aħħar sena l-Kumitat Festa Esterna ta bidu għall-akbar investiment li qatt sar fl-armar u għal dan il-għan ħareġ €14,000. Għalhekk meta wieħed jikkunsidra l-ispejjeż li kien hemm għall-festa ta’ din is-sena u l-ħruġ għall-proġett tal-armar ġdid, kien hemm żbilanċ ta’ €2,742 li tħallsu minn flus li kien fadal mill-festa tas-sena ta’ qabel. Ir-rendikont dettaljat jinsab pubblikat fin-notice-boards ta’ barra l-Knisja. Il-kumitat tal-festa jirringrazzja lil kulħadd tal-għajnuna finanzjarja li ngħatat kif ukoll lil diversi persuni li jagħtu ħinhom mingħajr ma jieħdu xejn lura biex seta’ jsir ħafna xogħol fuq l-armar u ttellgħet festa denja skont id-direttivi tal-awtoritajiet. Hekk jibqa’ impenjat li jagħmel fil-ġejjieni. Il-ġabra fil-Knisja l-Ħadd li ġej se tmur biex bil-mod il-mod nibdew inwarrbu xi ħaġa wkoll għall-festa ta’ sena oħra.

5. Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Martin, minn fuq iz-zuntier għandna għall-bejgħ għażla sabiħa ta’ ħelu tradizzjonali Malti. Nistedinkom tagħtu titwila fil-ħruġ mill-Knisja.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.