Avvizi – 07.11.2021

Avviżi – 07.11.2021

1. Il-ġabra tal-lum hi dik speċjali tal-Ewwel Ħadd tax-Xahar. Kif wieħed jista’ josserva x-xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fuq il-ħitan tal-knisja minn barra jinsab avvanzat. Fl-aħħar jiem inbidlu pajpijiet tad-dawl u l-ilma li kienu għaddejjin ġol-ħajt minn barra; inbidlu s-servizzi tat-toilet tal-knisja u l-ġimgħa d-dieħla se jitwaħħal madum ġdid; u fadal xi xogħol ieħor ta’ elettriku fis-sagristija. Waqt li nirringrazzja ‘l min qed jagħmel xogħol volontarju, hemm spejjeż ta’ materjal u ta’ xogħol li jridu jitħallsu u għalhekk il-ġabra tal-lum se tkun għal dan il-għan. Barra minn hekk, aktar ‘il quddiem f’Novembru se jsir xogħol fuq is-sistema li tipproteġi lill-Knisja mis-sajjetti. L-offerti tagħkom f’din il-quddiesa ser imorru għal dawn l-ispejjeż. Nirringrazzjakom.

2. Illum fl-4.00 p.m. l-Arċipriet ser imexxi mument ta’ talb fiċ-ċimiterju u wara jsir it-tberik tal-oqbra. Il-quddiesa għall-ħutna l-mejtin issir fl-4.30 p.m. fil-Knisja.

3. Il-Ħamis wara l-quddiesa ta’ filgħaxija jkollna mument ta’ adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat.

4. Is-Sibt u l-Ħadd li ġej, fuq iz-zuntier ikollna bejgħ ta’ ħelu tradizzjonali fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Martin.

5. Nhar il-Ħadd fil-quddiesa tad-9.30 a.m. se ssir preżentazzjoni mis-Sur Joseph Gerada li jmexxi Dar Fra Diegu dwar kif intefqu l-flus li familji Dinglin taw fil-Milied tas-sena l-oħra. Minn tmiem il-ġimgħa li ġejja wkoll, min jixtieq jista’ jiġbor l-envelope bid-dettalji biex ikun jista’ jagħti rigal lil dawn it-tfal għall-Milied ta’ din is-sena.

6. Fil-ħruġ mill-knsija, minn ħdejn il-bibien tal-ġnub tistgħu tieħdu kopja tar-rivista FLIMKIEN.

7. Nirringrazzja lill-irġiel li l-Ġimgħa filgħaxija ngħaqdu magħna għal ikla u li f’ġabra spontanja li saret bejniethom taw is-somma ta’ €400 għall-bżonnijiet tal-parroċċa.

8. Minn fuq il-mejda tal-offerti tistgħu tiġbru l-formoli għall-intenzjonijiet tal-quddiesa tas-sena d-dieħla. Il-formola timtela’ d-dar u mbagħad titħalla f’envelope magħluq fil-kaxxa li hemm fuq l-istess mejda. Fil-formola hemm kollox spjegat u min ikollu xi diffikulta’ jista’ jkellem lill–Arċipriet.

9. Qed nagħmlu stedina lill-koppji miżżewġa u l-għarajjes biex mit-Tnejn 15 sal-Ġimgħa 19 ta’ Novembru jħallu filgħaxija liberu u jattendu għal-laqgħat li se jsiru fiċ-Ċentru Parrokkjali bħala parti mill-Ġimgħa Familja. It-tema se tkun “Ilkoll Aħwa” bis-sehem ta’ kelliema esperti dwar il-familja. Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.