Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom

Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom

Is-Seba’ Ħadd Matul is-Sena Ċ
Tista’ ssegwi l-qari kollu bil–Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Kolletta

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li naħsbu dejjem fis-sewwa, u li, bil-kliem u l-għemil, nagħmlu dak li jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Mulej telqek f’idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej.
1 Sam 26:2,7-9,12-13,22-23

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, Sawl qam u niżel lejn id-deżert ta’ Żif, u miegħu ħa tlitt elef raġel magħżula minn Iżrael, ifittex lil David fid-deżert ta’ Żif. U ġie David u Abisaj ħdejn l-eżerċtu billejl, u Sawl kien mimdud u rieqed f’nofs il-kamp, u l-lanza tiegħu kienet imwaħħla fl-art in-naħa ta’ rasu; u Abner u n-nies tiegħu mimdudin madwaru. U Abisaj qal lil David: “Illum il-Mulej reħa l-għadu tiegħu f’idejk, ħa nsammru mal-art b’daqqa waħda bil-lanza tiegħu stess, bla ma nagħtih oħra”. Imma David wieġeb lil Abisaj: “La toqtlux! Għax min qatt medd idu fuq il-midluk tal-Mulej, u ħelisha?”. David ħa l-lanza u l-ġarra tal-ilma minn ħdejn ras Sawl u telqu, bla ma ħadd rahom jew intebaħ, u bla ma ħadd stenbaħ, għax kollha kienu reqdin, u ngħas tqil waqa’ fuqhom mingħand il-Mulej. David imbagħad qasam għan-naħa l-oħra u qagħad fuq il-quċċata tal-għolja fil-bogħod, b’wisa’ kbir bejniethom. U David għajjat: “Hawn hi l-lanza tas-sultan, ħa jiġi ’l hawn wieħed mill-qaddejja u jeħodha! Il-Mulej irodd lil kull wieħed skont il-ġustizzja tiegħu u l-lealtà tiegħu. Il-Mulej telqek f’idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 102(103):1-2,3-4,8,10,12-13

R/.(8a) Ħanin u twajjeb il-Mulej.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna. R/.

Daqskemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu. R/.

Għad nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema.
1 Kor 15:45-49

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, l-ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja, l-aħħar wieħed sar spirtu li jagħti l-ħajja. Mhux l-ispiritwali ġie l-ewwel, imma l-ewwel in-naturali u mbagħad l-ispiritwali. L-ewwel bniedem, mit-trab, hu tal-art; it-tieni bniedem, mis-sema. Bħalma hu l-bniedem tal-art, hekk ukoll huma l-bnedmin tal-art; bħalma hu l-bniedem tas-sema, hekk ukoll huma l-bnedmin tas-sema. Bħalma aħna mlibbsa x-xbieha tal-bniedem tal-art, hekk ukoll għad nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 13:34

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej;
bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.
R/. Hallelujah.

Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.
Lq 6:27-38

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Ġesù mhux talli ma joqgħodx jogħmodha imma talli dak li għandu jgħid jgħidu bla tlaqliq ta’ xejn, anke jekk jaf li ħa jdarras lil ħafna. B’sudizzjoni ta’ xejn u ta’ ħadd—b’liberta’ sħiħa—jitkellem u jgħid x’hemm bżonn li wieħed jagħmel biex ikun jista’ jakkwista l-ferħ veru. Jagħtina r-riċetta u r-‘roadmap’ għad-destinazzjoni li kull min hu f’sensih jixtieq li xi darba jasal għaliha: l-hena ta’ dejjem li la tgħaddi u lanqas tispiċċa!

Ġesù jaħsad u jiskomoda. Ma’ Ġesù ma tistax tibqa’ fejn int—trid tiċċaqlaq u tagħmel xi ħaġa—u x’aktarx tkun ħaġa li jaslu jagħmluha biss il-ftit. Ġesù jitlob minna affarijiet iebsa! Imma toqgħod tgħid, hux, xejn li hu sabiħ u tajjeb mhu faċli!

Ġesù jitlobna naħfru lill-għadu tagħna—lil dak li jkun naqqasna, lil dak li jkun żeblaħna u ġġakbinana—lil dak li pprova jħammeġ isimna biex jasal fejn xtaq u ried hu. Lil dak li ċaħadna minn dak li kellna kull jedd għalih; Ġesù jgħidilna biex naħfrulu u biex ma nibqgħux inżommu f’qalbna għalih imma biex neħilsu mir-rabja u hekk nerġgħu nakkwistaw il-paċi f’qalbna.

Hawnhekk bir-raġun wieħed jasal jistaqsi kif Ġesù jasal jgħidilna ndawru ħaddejna x-xellugija għal daqqa ta’ ħarta oħra jew li nagħtu mhux biss il-mantar imma anke l-libsa! Ġesù jgħidilna dan kollu sabiex aħna nkunu lesti li ninħelsu minn kollox—minn kull pretensjoni u minn kull rabta oħra li lilna żżommna mjassra u mxekkla.

Ġesù jurina kif aħna nistgħu nakkwistaw il-ferħ veru billi ma nagħmlux dak li jagħmlu ħafna jew dak li d-dinja tgħidilna nagħmlu imma li minflok nagħtu u ningħataw mingħajr ma nistennew li nirċievu xejn lura, li naħfru u nħobbu lill-għadu tagħna biex hekk ninħelsu mid-dieqa li tkun ħakmitna u hekk nirbħu l-ħażin bit-tajjeb, il-mibegħda bl-imħabba, il-ġlied bil-paċi.

Talba

Nitolbuk, Mulej Ġesù, sabiex tgħinna nkomplu nagħrfu x’inhu tal-ikbar ġid għalina u kif verament nistgħu nakkwistaw din il-paċi li ma jista’ jeħodhielna ħadd u xejn. Nitolbuk ukoll sabiex tgħinna niftakru biex ninvestu f’dak li hu etern billi ma niġġudikawx u ma nikkundanawx u billi naħfru u nħobbu bla qies u meta nagħmlu dan kollu aħna nakkwistaw bil-ħafna iktar. Għax bl-istess kejl li nkejlu jitkejjel lilna!

The post Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.