avvizi parrocca

Avvizi – 27.03.2022 – Ir-4 Ħadd tar-Randan

Avviżi – 27.03.2022 – Ir-4 Ħadd tar-Randan

1. Il-ġabra fil-quddies tal-lum hi għall-bżonnijiet tas-Seminarju; il-post fejn jirċievu l-formazzjoni saċerdotali tagħhom iż-żgħażagħ ta’ għada.

2. Kif stajtu tinnutaw, beda l-armar tal-iscaffolding tal-koppla minn ġewwa biex issirilha l-manutenzjoni meħtieġa. Il-presbiterju żżarma bħala miżura ta’ prekawzjoni sakemm fil-jiem li ġejjin jitlesta l-armar u l-koppla tkun ingħalqet. Niskużaw ruħna għal xi inkonvenjent li dan ix-xogħol jista’ joħloq u nirringrazzjaw lil kull min hu involut fix-xogħol jew qed jagħti daqqa t’id.

3. Nhar it-Tlieta filgħaxija jkollna r-raba’ laqgħa li matulha nħarsu lejn episodji minn ħajjet diversi dixxipli li wieġbu għas-sejħa li għamlilhom il-Mulej. Dan qed nagħmluh permezz ta’ siltiet mill-Bibbja u mis-serje Kristjana The Chosen. Il-laqgħa tibda fis-7.00 p.m. u ssir fiċ-Ċentru Parrokkjali.

4. Nhar il-Ġimgħa tkun l-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Mit-8.15 a.m. ‘il quddiem ikollna konfessur għall-qrar fil-knisja.

5. Il-Ħadd li ġej ikun l-ewwel Ħadd tax-xahar u għalhekk ikollna l-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-parroċċa.

6. Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja, Malta tilqa’ lill-Papa Franġisku. L-adorazzjoni tal-Ħamis li ġej wara l-quddiesa ta’ filgħaxija se tkun għall-bżonnijiet tal-Papa u biex iż-żjara tiegħu fostna tħalli ġid kotran. Fil-jumejn taż-żjara, is-Sibt u l-Ħadd li ġej, tkun ħaġa sabiħa li jekk it-temp jippermetti min għandu arblu jtella’ l-bandiera. Ikun xieraq ukoll li min jista’ jagħti merħba lill-Papa personalment bħall-Ħadd li ġej filgħodu fil-pjazza tal-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat fejn il-Papa jasal għall-ħabtsa t-8.15 a.m.; qabel ma jinżel jiċċelebra l-quddiesa fuq il-Fosos tal-Floriana. Tajjeb li bħala nsara nisimgħu sewwa l-messaġġi li l-Papa Franġisku se jgħaddielna fid-diversi okkażjonijiet tul dawn il-jumejn.

Infakkrukom li l-Ħadd li ġej, l-aħħar quddiesa filgħodu tkun dik tat-8.00 a.m., billi s-saċerdoti se jkunu qed jikkonċelebraw fil-quddiesa mal-Papa. Għalhekk il-ħinijiet tal-quddiesa l-Ħadd li ġej ikunu fis-6.30 u fit-8.00 am u fl-4.30 pm.

Il-parroċċa llum qed tagħtikom santa ta’ tifkira taż-żjara tal-Papa u nistedinkom ngħidu flimkien it-talba li fiha fuq wara:

Mulej Ġesù Kristu,

għalik tixxennaq ruħna.

Agħmel, nitolbuk,

li ż-żjara tal-Papa Franġisku fostna

tkun waħda li tlaqqagħna miegħek

biex nitgħaxxqu bi mħabbtek

u, fl-Ispirtu tiegħek,

nagħrfu lkoll li aħna

ulied ta’ Missier wieħed,

u ngħixu r-rabta tagħna ma’ xulxin

fis-sliem.

Ammen.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.