cold wood light landscape

Ejja Warajja! : It-3 Tema: ‘Qalli kulma għamilt’

Ġwanni 4:1-42

Il-Fariżej semgħu li Ġesù kien qiegħed jiġbor u jgħammed dixxipli iżjed minn Ġwanni. U Ġesù sar jaf b’dan, għalkemm hu nnifsu ma kienx jgħammed, imma d-dixxipli tiegħu; għalhekk telaq mil-Lhudija u raġa’ mar fil-Galilija. U kellu jgħaddi mis-Samarija. Ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. “Agħtini nixrob,” qalilha Ġesù. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.” Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?” Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.” Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.”

Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn.” Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi.” Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt, ‘ma għandix żewġi.’ Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt!” Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.” Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija, – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna.” Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.”

Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh, ‘Xi trid?’, jew, ‘Għax qiegħed titkellem magħha?’ Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli kulma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?” U n-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!” Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.” Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?” Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom.”

Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: ‘Qalli kulma għamilt,’ tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.”

Diskussjoni

1.       X’laqtgħek fir-reazzjoni tas-Samaritana?

2.       X’sibt interessanti fil-fatt li Ġesu jerġa jgħażel mara biex tħabbar l-identità tiegħU?

3.       Kien hemm xi moment f’ħajtek meta kellek l-istess eċitament li kellha s-Samaritana?

4.       Tara d-dnub bħala mument ta’ grazzja?

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.