avvizi parrocca

Avvizi – 10.04.2022

[category avvizi]

Avviżi – 10.04.2022 – Ħadd il-Palm

1. Illum tajna bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa. Għada fid-9.00 a.m. ninġabru quddiem il-M.U.S.E.U.M. tas-Subien biex issir iċ-ċerimonja tat-tberik tal-palm u ż-żebbuġ. Fid-9.30 tibda quddiesa solenni fil-Knisja.

2. Nhar it-Tlieta mit-8.00 a.m. ‘il quddiem isir it-tindif tal-Knisja. Napprezzaw ħafna l-għajnuna ta’ min jista’ jagħti daqqa t’id.

3. Nhar it-Tlieta l-Knisja se tkun miftuħa bejn il-5.30 u t-8.00 p.m. għas-servizz tal-qrar. Dakinhar wara l-quddiesa ta’ filgħaxija ser ikollna Servizz Penitenzjali.

4. Nhar l-Erbgħa qed nagħmlu stedina lill-poplu ta’ Ħad-Dingli għal mixja ta’ fidi wara d-Duluri. Dakinhar il-quddiesa ta’ filgħaxija se tibda fis-6.00 u l-purċissjoni bl-istatwa tad-duluri toħroġ fis-7.00 pm u tgħaddi minn dawn it-toroq: il-Knisja, Ġużi Cutajar, Ġuże’ Ellul Mercer, Ċensa Spiteri u l-Parroċċa.

5. Min għandu fjuri bojod, weraq u palm żgħir li jista’ joffrielna biex inżejnu l-Altar tar-Repożizzjoni għandu jħallihom il-Knisja l-Erbgħa filgħaxija jew il-Ħamis sat-8.00 a.m. Bħala fjuri għandna bżonn l-aktar buqari.

6. F’Ħamis ix-Xirka, l-unika quddiesa fil-parroċċa tkun dik tas-6.30 p.m. li tkun konċelebrazzjoni solenni li tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u s-Saċerdozju. Fi tmiem il-quddiesa, Ġesu’ sagramentat jitpoġġa fl-Altar tar-Repożizzjoni għall-Adorazzjoni. Fit-8.15 u fid-9.15 p.m. jkollna Viżti Organizzati. Fl-10.15 tibda siegħa adorazzjoni. Wara, il-knisja tibqa’ miftuħa sa nofs il-lejl.

7. Fil-Ġimgħa l-Kbira għandna l-obbligu tas-sawm u l-astinenza. Fis-7.00, it-8.30 u l-10.30 a.m. ikollna viżti organizzati. Fit-8.00 a.m. mistiedna ningħaqdu mas-saċerdoti għat-talb tal-uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum. Fid-9.30 a.m. nistiednu lit-tfal kollha għal ħin ta’ talb fil-Knisja.

Wara nofsinhar fis-2.30 tingħad il-Via Sagra u fit-3.00 tibda l-funzjoni solenni li tfakkar il-Passjoni tal-Mulej.

8. F’Sibt il-Għid, mis-6.30 p.m. ‘il quddiem ikollna qrar minn konfessur barrani. Fit-8.00 p.m. nagħtu bidu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili ta’ l-Għid.

9. Il-Ħadd li ġej niċċelebraw l-akbar festa tagħna l-insara: l-Għid il-Kbir. Il-quddiesa tad-9.30 a.m. se tkun għat-tfal kollha u se tiġi organizzata mill-Kummissjoni Tfal. Wara, inkomplu fuq iz-zuntier bit-tberik tal-figolli li t-tfal ikunu ġabu magħhom. Nhar Ħadd il-Għid wara l-quddiesa tal-4.30 p.m. joħroġ il-Vjatku Solenni. Dan hu servizz ieħor li l-parroċċa qed tagħti lill-morda tagħna billi twasslilhom fi djarhom l-Ewkaristija fl-akbar festa tal-knisja. Morda u anzjani li jixtiequ jitqarbnu fi djarhom fl-Għid għandhom ikellmu lill-Arċipriet jew lil xi ħadd mis-saċerdoti sa nhar il-Ġimgħa.

10. Il-ġabra speċjali tal-Ħadd li għadda kienet ta’ € 530. Nirringrazzjakom tal-offerti tagħkom.

11. Fl-aħħar jiem tajna l-aħħar tislima lil Mikelina Grixti. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem . . .

12. Infakkrukom li fil-knisja, bħal postijiet oħra fuq ġewwa fejn jiltaqgħu n-nies, għadna obbligati nilbsu l-maskra sewwa, napplikaw is-sanitiser u nżommu distanza.

13. L-Arċipriet u Dun Matthew Pulis se jtemmu l-ħidma pastorali tagħhom f’din il-parroċċa nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Mejju. L-Arċipriet se jkun qed jagħti servizz lill-knisja fi djoċesi fiċ-Ċili li l-Vigarju tagħha hu saċerdot Malti: Dun Henry Balzan. Dun Matthew Pulis se jkun qed jagħti servizz pastorali fil-parroċċa tal-Kalkara. Monsinjur Arċisqof qed jinnomina lill-Kanonku David Farruga bħala l-Arċipriet il-ġdid ta’ Ħad-Dingli. Bħalissa hu l-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl f’Ħal Safi.

[
end]
close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.