Ġwanni 2:1-11
Imbagħad fit-tielet jum sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid.” U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.” Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu.” Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma.” U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.” U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa.” Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.
Diskussjoni
1. X’jolqtok fir-rwol ta’ Marija?
2. Kif tinterpreta “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.”?
3. Ġesù jaffirma lil Tumas li għalkemm hu tajjeb li tistaqsi, mhux dejjem ħa nifhmu, ħa naċċettaw jew ħa nirċievu risposti. Kif tħossok quddiem dal-istatement?
Ikkummenta