L-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet
Kolletta
O Alla, illum, b’Ibnek il-waħdieni, il-mewt ġiet megħluba, u int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem: agħtina li, aħna u niċċelebraw il-festa solenni tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet, niġġeddu bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u nqumu għad-dawl tal-ħajja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Ġieli mort funeral ta’ xi ħadd għażiż u l-għada, filgħodu kmieni, kif ikun għadu dlam, tmur ħdejn il-qabar?
Naħseb li le. Dan għaliex id-difna turina li kollox mitmum. Nitnikktu u nħossu l-vojt f’qalbna.
X’ġiegħel lil Marija ta’ Magdala tagħmel dak li għamlet? L-imħabba li kellha għal Ġesù tant li ma felħitx tkun separata minnu?
Kif ġiet, reġgħet telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor. Stqarret il-biża’ tagħha li: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar u ma nafux fejn qegħduh!”
Telfa oħra għal Marija ta’ Magdala, għal Xmun Pietru u għad-dixxiplu. Tilfu lil Ġesù fil-passjoni, fil-mewt, fid-difna tiegħu, u issa tilfuh fil-qabar vojt bl-evidenza tal-qawmien li Ġesù ħalla warajh. Fit-telfa tagħhom, emmnu u fehmu li kellu jqum mill-imwiet.
Fil-kapitlu 20 ta’ Ġwanni, Ġesù deher lid-dixxipli biex jagħtihom is-sliem, l-assikurazzjoni u dehen li qam mill-imwiet. Hu kkalma d-dmugħ ta’ Marija ta’ Magdala u nefaħ l-Ispirtu Santu fuq id-dixxipli.
Il-Papa Emeritus Benedittu XVI jiddeskrivi l-qawmien bħala splużjoni ta’ dawl, avveniment kożmiku li għaqad il-ġenna u l-art. Kien splużjoni ta’ mħabba—l-imħabba li fetħet it-triq għal dimensjoni ġdida mnejn ħarġet dinja ġdida. Kienet qabża fl-istorja tal-evoluzzjoni u ta’ ħajja fi Kristu lejn futur ġdid, dinja ġdida. Il-qawmien jaqgħadna ma’ Alla u mal-oħrajn u nistgħu nibdlu d-dinja.
Il-Papa Franġisku jitkellem dwar li aħna nxandru lil Kristu rxoxt meta naqsmuh mal-oħrajn d-dawl tiegħu jdawwal id-dlam tal-eżistenza tagħna; meta nitbissmu ma’ min jitbissem, nibku ma’ min jibki; nakkumpanjaw dawk li huma mnikkta u f’riskju li jitilfu t-Tama; naqsmu l-esperjenza tal-Fidi tagħna ma’ dawk li qed ifittxu sens fil-ħajja u l-ferħ … bl-attitudni, ix-xhiedha, il-hajja u fir-ruħ tagħna – ngħidu ‘Ġesù rxoxta.’
Id-doni tal-Għid il-Kbir huma t-Tama u l-Fidi.
It-Tama tnissel il-fiduċja f’Alla, fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, u fl-imħabba li xejn ma jista’ għaliha.
Il-Fidi li Kristu rebaħ fuq il-ħażin u li l-qawmien tiegħu hu att konkrett fl-istorja tal-bniedem.
Talba
Mulej, aħna u niċċelebraw il-misteru tal-qawmien tiegħek, agħtina li nipproklamaw il-Fidi u t-Tama, u rroddulek ħajr għalihom.
The post “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar u ma nafux fejn qegħduh!” appeared first on Behold.
Ikkummenta