avvizi parrocca

Avviżi – 14.08.2022

Avviżi – 14.08.2022  –  L-20 Ħadd ta’ matul is-Sena

1. Illum 14/08: qed nieħdu żewġ inizjattivi importanti ta’ solidarjetà għal żmien il-festa: 

– Il-ġbir li se jsir fil-quddiesa se tkun l-għotja ta’ karita’ li l-parroċċa tagħti għall-festa. Din is-sena l-flus miġbura se jingħataw lil Hospice Malta li qed ilestu binja f’Santa Venera li se tinbidel f’kumpless biex pazjenti morda bil-kanċer u mard ieħor jingħataw kura paljattiva b’xejn u servizzi ta’ appoġġ lill-qraba.

– Mit-8.30am sas-1.00pm – Għoti ta’ demm fil-Mobile Blood Donation Unit f’Misraħ Ġuże’ Abela. Trid tintwera l-karta tal-identità u tintlibes il-maskra.

– Il-quddiesa li s-soltu tibda fid-9.30 a.m. se tibda nofs siegħa qabel, fid-9.00a.m. u se titmexxa mill-Isqof Awżiljarju, Mons. Joe Galea Curmi. Fiha ser issir il-preżentazzjoni tat-trabi li tgħammdu fl-aħħar sena. Mistiedna wkoll il-koppji li qed jistennew tarbija u tingħad talba għat-tarbija fil-ġuf.

2. It-Tnejn 15/08: L-Għid tal-Assunta

– Il-ħinijiet tal-quddiesa jkunu bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

– Fil-festa ta’ Santa Marija, qed nistiednu lis-sewwieqa tal-muturi biex jieħdu sehem f’Pellegrinaġġ. Is-sewwieqa tal-muturi jinġabru fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Imġarr għad-9.30 a.m. u jaslu Ħad-Dingli ftit qabel il-11.00, fejn isir it-tberik tal-muturi u s-sewwieqa.

3. It-Tlieta 16/08:

– Fil-quddiesa tas-6.30 p.m. nitolbu għall-benefatturi ħajjin u mejtin

tal-parroċċa. Tiġi ppreżentata s-somma li tkun inġabret għal Hospice Malta.

– Filgħaxija ssir il-majjalata għall-briju tal-marċ tal-festa. Il-biljetti jinsabu għall-bejgħ fosthom mis-sagristija.

4. L-Erbgħa 17/08: L-Ewwel Jum tat-Tridu

– Mit-8.00am ‘il quddiem ser isir il-ħasil tal-Knisja. Napprezzaw l-għajnuna ta’ min jista’ jagħti daqqa t’id.

– Fil-quddiesa ta’ filgħaxija se nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, bil-quddiesa se titmexxa minn Mons. Louis Camilleri u Patri Pawl Muscat, ulied din il-parroċċa li waqt il-pandemija ċċelebraw il-50 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali. Wara l-funzjoni tat-tridu, inkomplu naqsmu l-ferħ tal-okkażjoni flimkien b’bibita għal kulħadd barra l-knisja.

5. Il-Ħamis 18/08: It-Tieni Jum tat-Tridu

– Fis-6.30pm, quddiesa li għaliha qed nistiednu b’mod speċjali lill-Kunsill Lokali u l-membri tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, tal-kummissjonijiet parrokkjali, tal-għaqdiet, gruppi u każini.

6. Il-Ġimgħa 19/08: It-Tielet Jum tat-Tridu

– Għall-quddiesa tas-6:30 pm qed nagħmlu stedina speċjali lill-famiji kollha tal-parroċċa, speċjalment lill-koppji li din is-sena jagħlqu 60, 50, 25 jew 10 snin miżżewġin u lil dawk li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ fl-aħħar sena.

– Aktar tard filgħaxija, meta l-marċ jasal fil-pjazza ta’ ħdejn il-knisja, il-Kumitat Festa Esterna jinawgura proġett ta’ restawr ta’ żewġ pedestalli u trofew. Wara, l-istatwa ta’ Santa Marija ta’ barra tittella’ fuq il-pedestall.

7. Is-Sibt 20/08: Lejlet il-Festa

Fis-6.00 p.m. jkollna t-Translazzjoni tar-Relikwa mill-M.U.S.E.U.M. tas-Subien. Fis-6.30 p.m. l-kant tal-ewwel għasar tal-festa fil-knisja u fis-7.00 p.m. quddiesa solenni li għas-Sibt li ġej biss tkun l-unika quddiesa ċċelebrata filgħaxija.

8. Il-Ħadd 21/08: Jum il-Festa

– Il-quddiesa li s-soltu tibda fid-9.30 a.m., għal nhar il-Ħadd biss tibda fid-9.15 a.m., u tkun il-konċelebrazzjoni solenni ta’ jum il-festa. Inħeġġiġkom biex nhar il-festa nieħdu sehem flimkien f’din il-quddiesa.

Avviżi oħra:

Inħeġġukom tibqgħu ssegwu l-programm tal-festa fejn hemm ukoll il-ħinijiet tal-qrar li ser ikollna l-ġimgħa d-dieħla. Inħeġġukom tersqu ‘il quddiem għas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni u tieħdu sehem mill-Ewkaristija.

L-Arċipriet qed jilqa’ offerti għall-bukketti ta’ imħabba ħdejn l-istatwa ta’ Santa Marija li se jmorru għall-ispejjeż tal-fjuri fil-knisja u l-flus li jibqa’ jmorru għall-manutenzjoni li qegħdin nagħmlu fil-koppla u diversi proġetti li l-parroċċa għandha. 

Jekk għad għandkom l-envelope għall-festa ta’ ġewwa li rċevejtu mal-programm, dan jista’ jitħalla waqt il-ġbir fil-Knisja jew fil-kaxxa fuq il-mejda tal-offerti. Grazzi lill-kolletturi li daru jiġbru bieb bieb.

Matul din il-ġimgħa daħlu €70 bħala donazzjonijiet b’risq il-proġett tal-manutenzjoni tal-koppla. Nirringrazzjakom.

L-għada tal-festa ser ikollna ħarġa ta’ ġurnata baħar f’Little Armier. Kitba għand il-membri tal-fund-raising.

Fuq iz-zuntier għandna għall-bejgħ banners bix-xbieha tal-istatwa ta’ Santa Marija biex jintramaw fil-gallariji, souvenirs u biljetti tal-lotterija tal-festa.

Il-Kap tal-iskola Primarja ta’ Ħad-Dingli tfakkar li dawk il-ġenituri/kustodji li joqogħdu Ħad-Dingli u li t-tfal tagħhom jagħlqu tliet snin sal-aħħar ta’ din is-sena (2022) huma mitluba jirreġistraw lil uliedhom mill-aktar fis possibbli. Min għadu ma kitibx it-tfal, jista’ jagħmel dan billi jibgħat imejl lill-iskola fuq: [email protected].

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.