Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, aħna nagħmlu l-qalb u nsejħulek Missier; saħħaħ fina l-Ispirtu tal-ulied adottivi tiegħek, biex jistħoqqilna niksbu l-wirt li int wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Ftit huma dawk il-parabboli li Ġesù jirrakkonta lid-dixxipli biss. Ħafna drabi jgħid dawn l-istejjer lil kulħadd. Mela meta nsibu waħda jew tnejn li huma indirizzati lid-dixxipli biss, għandna noqgħodu attenti ħafna.
F’din il-parabbola maqsuma fi tnejn, Ġesù qed jitkellem dwar ir-responsabbiltà li għandna aħna d-dixxipli li nwettqu b’reqqa l-missjoni li jafdalna hu.
Ma rridux inħallu t-traskuraġni jew l-għażż ixekkluna milli nkunu dejjem pronti nagħmlu r-rieda tiegħu. Ġesù ma jippruvaw ikun delikat hawnhekk. Hu dirett u ċar. Kull dixxiplu għandu l-ħlas tiegħu, emm jekk nobdu, kemm jekk ma nobdux, kemm jekk inkunu lesti, kemm jekk nitnikkru. Jasal jum għal kulħadd li jsir ġudizzju minnu stess ta’ x’għamel b’dak li ġie fdat bih—il-familja, il-ġid materjali, ix-xogħol, il-ħin liberu, it-talenti naturali, id-doni sopranaturali li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, il-ħbieb.
Ġibna ’l quddiem is-Saltna tiegħu? Bnejna ma’ oħrajn il-Knisja bl-għaqda, bil-ħlewwa, biż-żelu għall-appostolat? Ħadna ħsieb xulxin?
Talba
Missierna, nitolbuk maħfra ta’ dawk id-drabi li nkunu għażżenin spiritwalment u ma nħallux l-Ispirtu tiegħek jiggwidana u jqawwina anzi niqfulu b’ħafna skużi. Nitolbuk li nħallu dil-Kelma li tana Ibnek Ġesù tikkoreġina u ssuqna biex, filwaqt li nkunu grati għall-fiduċja tiegħek fina, aħna naħdmu b’iktar ħeġġa biex tiġi Saltnatek. Nitolbuk dan f’isem Ibnek Ġesù. Grazzi ħafna, Missier.
The post Kunu lesti intom ukoll appeared first on Behold.
Ikkummenta