Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David

Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David

Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent Sena A

Kolletta

Sawwab f’ruħna, Mulej il-grazzja tiegħek, biex aħna li, bit-tħabbira tal-Anġlu, għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu naslu fis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Arawha, ix-xebba ssir omm.
Iż 7:10-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

F’dak iż-żmien, il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu: “Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet”. U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej”. U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David! Mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-El”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 23(24):1-2,3-4ab,5-6

R/.(7c,10b): Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja.

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,
min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

Ġesù Kristu, min-nisel ta’ David, u Iben ta’ Alla.
Rum 1:1-7

Bidu tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla. Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David, u, skond l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet. Bih aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta’ ismu. Fosthom tinsabu intom ukoll, imsejħin biex tkunu ta’ Ġesù Kristu; lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu Ruma msejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 1:23

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,
u jsemmuh Għimmanu-El: “Alla magħna”.
R. Hallelujah.

Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David.
Mt 1:18-24

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

Riflessjoni

Matul dan l-Avvent, permezz tal-girlanda b’erba’ xemgħat, konna mistiedna biex kull nhar ta’ Ħadd nirriflettu fuq it-Tama, l-Imħabba, il-Ferħ u, fir-Raba’ Ħadd, fuq il-Paċi.

Kemm hi nieqsa il-paċi fostna u lil hinn minn xtutna! Biżżejjed naħsbu f’min ġarrab xi diżgrazzja f’pajjiżna. Biżżejjed naħsbu fil-komunità Ukrena li qed tgħix fostna minħabba dak li l-Papa Franġisku jirreferi għalih bħal il-poplu Ukren martorjat.

Fl-Ewwel Qari, Alla jistieden lil Aħaż biex jitolbu sinjal. Iżda Aħaż tilef il-paċi tiegħu għax irreżista milli jagħmel dan għal diversi raġunijiet. Ma riedx jittanta lil Alla. Alla bħal f’kull ċirkostanza li tonqosna r-rieda u l-paċi jkun pront jagħtina sinjal ta’ paċi: ix-xebba titqal u tiled tarbija.

Din ix-xebba u dan il-wild, kif ħabbru l-anġli nhar il-Milied, ġabu paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.

Fis-Salm 23(24) nitolbu li, minn dawn in-nies ta’ rieda tajba, Alla jsawwar għalih nissel ta’ dawk li jfittxu wiċċ Alla ta’ Ġakobb.

Fl-Evanġelju, meħud mill-ewwel kapitlu ta’ San Mattew, naraw lil Ġużeppi mfixkel, nieqes mill-paċi. Ġużeppi narawh jiddixxerni x’inhu l-aħjar biex l-għarusa tiegħu Marija ma tispiċċax fil-ġudizzju bla ħniena tan-nies. Alla ma jħallix lil Ġużeppi fid-dlam tad-dubju imma jieħu ħsiebu fil-hemm tiegħu.

L-anġlu ta’ Alla jwennes lill-qalb imbeżżgħa ta’ Ġużeppi billi jirrivelalu li dak li qed iseħħ hu kollu ġej mir-rieda ta’ Alla għall-umanità.

Nimmaġinaw ftit kif ħassu Ġużeppi meta qalbu straħet fir-rieda ta’ Alla meta ġie muri lilu li hu wkoll kien parteċipi fil-pjan tas-salvazzjoni. Kien wara li kiseb din il-paċi li hu seta’ jidħol fil-pjan ta’ Alla u jieħu għandu lil Marija.

Talba

Mulej, agħtini l-grazzja biex, bħal Ġużeppi, jien niddixxerni dak li inti tixtieq minni. Bħal Ġużeppi, agħtina l-grazzja li nwarrab il-pjanijiet tiegħi biex nidħol b’ħafna paċi, fiduċja u entużjażmu fid-dinamika tar-rieda mqaddsa tiegħek għalija.

Ammen

The post Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.