Sitt Ħadd tal-Għid
Kolletta
O Alla li tista’ kollox, agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira dawn il-ġranet ta’ ferħ li fihom qegħdin nagħtu ġieħ lill-Mulej li qam mill-imwiet, u agħtina li l-istess għemil tagħna jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Is-silta ta’ dan il-Ħadd tkompli ma’ dik tal-Ħadd ta’ qabel. Ġesù fiċ-ċenaklu qed jipprepara lid-dixxipli għal meta se jkunu mingħajr il-preżenza fiżika tiegħu fix-xogħol—il-missjoni—li kien se jafdalhom. Ġesù qed ifarraġhom b’dak li se jseħħ meta jitla’ lura għand il-Missier, li se niċċelebrawh il-Ħadd li ġew, u l-Miġja tal-Ispirtu s-Santu, li tiġi ċċelebrata l-Ħadd ta’ wara nhar Għid il-Ħamsin.
U llum ukoll Ġesù jerġa’ jitkellem fuq l-imħabba: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi”—tħobbuni tfisser tħobbuni bil-fatti. Il-kwalità tal-imħabba li jitkellem fuqha hija l-imħabba agape, kwalità ta’ mħabba fejn ma taħsibx fik innifsek imma kif tista’ tgħin u taqdi lil min hu fil-bżonn.
Biex inħobbu lil Ġesù b’mod konkret, irridu nħobbu lill-oħrajn kif ħabbna Hu. In-nies kienu jmorru wara Ġesù għax, meta kienu jisimgħuh jitkellem kien jolqothom, iferraħhom, ifarraġhom, u jagħmilhom ferħanin. Kien jaqdihom fil-ħtiġijiet tagħhom. Għalhekk kien hemm l-eluf miegħu meta wettaq il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, jew meta Marija, oħt Lazzer, kienet titlaq kollox u tintilef tisimgħu. Hekk iridu jħossuhom dawk li niltaqgħu magħhom fid-diversi ċirkostanzi fil-ħajja tagħna. Jafu li lesti nisimgħuhom, ngħinuhom bi kliem ta’ faraġ u f’kull ħtieġa.
Il-messaġġ ta’ Alla l-Missier li jwasslilna Ġesù bil-fatti, aħna rridu insarrfuha f’azzjonijiet mal-proxxmu tagħna. Biex jgħinna nagħmlu dan, iwegħidna l-Ispirtu s-Santu li jsejjaħlu ‘Difensur ieħor’ għax Ġesù hu wkoll difensur li jidħol għalina quddiem il-Missier bħalma jikteb l-istess Evanġelista f’waħda mill-ittri tiegħu. Jekk ma jkunx l-Ispirtu s-Santu li Ġesù jibagħtilna, kieku aħna m’aħna xejn. Id-don tal-Ispirtu nirċevuh fil-Magħmudija u fil-Konfermazzjoni, imma jkompli jagħtihulna bil-grazzja attwali tiegħu fl-għajnuniet li l-Ispirtu Qaddis jagħtina fiċ-ċirkostanzi tal-ħajja llum u issa. Kemm hu sabiħ li, meta jkollna xi problema, inlissen kelma żgħira: Spirtu s-Santu, agħtini d-dawl kif għandi nġib ruħi.
Meta Ġesù jgħid li mhux se jħallina ltima, qed iserraħ ras l-Appostli li, wara l-mewt tiegħu, se jerġa’ jiġi u jkun preżenti fil-ħajja tagħhom u tagħna. U dakinhar “intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom.” Dan hu li jitwettaq ta’ kull darba fl-Ewkaristija, meta fil-quddiesa jkollna l-għaqda tal-komunità bejnietna fit-Trinità Qaddisa.
Talba
Sinjur Alla, għinni nħobbok billi nħares il-kmandamenti tiegħek fil-fatti. Għinni nistma b’rispett lill-oħrajn. Agħmel li persunti tnissel fiduċja f’dawk li niltaqa’ magħhom. Agħtini d-dawl permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex nagħraf inġib ruħi kif meħtieġ f’kull ċirkostanza tal-ħajja tiegħi ta’ kuljum ma’ dawk li inti tlaqqagħna magħhom.
The post Hu jagħtikom Difensur appeared first on Behold.
Ikkummenta