avvizi parrocca

Avviżi – 13.08.2023

Avviżi – 13.08.2023  –  Id-19-il Ħadd ta’ matul is-Sena

  1. Illum 13/08:
    • Aħna mistiedna nkunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor billi nagħtu d-demm bejn it-8.30am u s-1.00pm. L-għoti tad-demm ser isir fid-Day Centre tal-Anzjani. Meħtieġa l-karta tal-identità u l-maskra.
    • Mistiedna speċjali għall-quddiesa tad-9.30am, il-persuni ta’ nazzjonalita’ barranija li jgħixu Ħad-Dingli u l-emigranti Dinglin li jinsabu fostna.
  2. It-Tnejn 14/08: Il-Vġili ta’ Santa Marija
    • Fis-6.30pm quddiesa li fiha jiġu ppreżentati lil Santa Marija t-trabi li twieldu fl-aħħar sena. Mistiedna wkoll il-koppji li qed jistennew tarbija.
  3. It-Tlieta 15/08: L-Għid tal-Assunta
    • Il-ħinijiet tal-quddiesa jkunu bħal tal-Ħadd u f’din is-solennita’ għandna l-obbligu li nieħdu sehem fil-quddiesa. Il-quddiesa tad-9.30am tkun bis-sehem tat-tfal u l-familji.
    • Nhar it-Tlieta qed nistiednu ‘l min għandu mutur biex jieħu sehem fil-pellegrinaġġ tal-muturi li jitlaq minn fuq iz-zuntier tal-Imġarr fl-09.45am u jasal ħdejn il-knisja ta’ Ħad-Dingli ftit qabel il-11.00 fejn isir it-tberik tas-sewwieqa.
  4. L-Erbgħa 16/08: nagħtu bidu għat-tridu tal-festa.
    • L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa kuljum ser ikollna servizz ta’ qrar minn konfessur barrani mis-5.45 p.m. ‘il quddiem. Fil-quddiesa tal-Erbgħa fis-6.30pm se nitolbu għas-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-vokazzjonijiet; il-Ħamis għall-quddiesa ta’ filgħaxija qed nistiednu l-membri tal-għaqdiet; u l-Ġimgħa se nitolbu għall-familji tagħna bi stedina speċjali lill-koppji li din is-sena għalqu 60, 50, 25 jew 10 snin miżżewġin u ‘l dawk li żżewġu fl-aħħar sena. Il-quddiesa ta’ filgħaxija fit-tliet ijiem tat-tridu se tkun ukoll opportunita’ għalina ta’ tagħlim dwar il-Madonna, bi ħsieb kull darba mill-Kappillan tal-komunita’ Ġriega-Kattolika f’Malta, il-Papas Martin Zammit.
  5. Is-Sibt 19/08: Lejlet il-Festa
    • Il-quddiesa li s-soltu tibda fis-7.30am, tibda fit-8:00am u fiha jitkanta t-Te Deum f’għeluq l-Kwindiċina. Is-Sibt ser ikollna servizz ta’ qrar minn konfessur barrani fit-8.30am u fil-5.30pm. Filgħaxija jkollna quddiesa waħda li tibda fis-7.00, peress li fis-6.00 tibda t-translazzjoni solenni tar-Relikwa tal-Madonna mill-M.U.S.E.U.M. tas-subien sal-knisja fejn ikollna l-kant tal-ewwel għasar.
  6. Il-Ħadd 20/08: Jum il-Festa
    • Qed nagħmlu stedina speċjali lil kulħadd biex fil-festa nieħdu sehem fil-quddiesa solenni li tibda fid-9.15am. Se jkollna magħna lir-rappreżentant tal-Papa f’Malta, in-Nunzju Appostoliku, l-Arċisqof Savio Hon Tai-Fai, Salesjan. Se jinseġ il-paniġierku l-Kan. Michael Galea mix-Xagħra li għandu kelma tajba ħafna għalina lkoll.
    • Filgħaxija, għas-6.45 ninġabru barra l-Knisja biex nilqgħu l-istatwa ta’ Santa Marija fil-ħruġ tal-purċissjoni. Id-dħul lura fil-Knisja jsir għall-10.15.
  7. Wara l-festa ser ikollna żewġ ħarġiet: it-Tnejn 21/08 ġurnata l-baħar Little Armier u l-Erbgħa 23/08 ġurnata Għawdex. Kitba għand il-membri tal-fund-raising.
  8. Avviżi oħra:
    • Fl-aħħar jiem saru xi preżentazzjonijiet minn benefatturi lill-Arċipriet f’isem il-Parroċċa, li nistgħu narawhom fejn l-istatwa ta’ Santa Marija:-
      • Pjaneta bajda ta’ Mons. Richard Borg – Ex-Kappillan, minn ħutu;
      • Disinni oriġinali tas-sedja, tal-battisteru, u tal-gradenzina ta’ Giuseppe Galea, skultur u disinjatur mir-Rabat, minn uliedu; u
      • Bozza bi Statwa tal-Bambin ta’ Praga imlibbes minn Cristino Micallef f’isem martu Carmen (mejta) u l-familja.
    • Il-kolletturi tal-parroċċa ġabru l-offerta għall-festa ta’ ġewwa fl-envelope li tqassam mal-programm. Napprezzaw li min ma kienx id-dar iħalli l-envelope bl-offerta tiegħu waqt il-ġbir fil-knisja jew fil-kaxxa fuq il-mejda tal-offerti.
    • L-Arċipriet qed jilqa’ offerti mingħand għaqdiet u individwi għall-bukketti ta’ imħabba lil Santa Marija; dawn imorru għall-ispejjeż tal-fjuri ħdejn l-istatwa u fil-knijsa u biex nifdu l-ispejjeż tal-festa.
    • Minn fuq iz-zuntier tal-knisja għandna għall-bejgħ pavaljuni u banners għall-gallariji, xbieha ta’ Santa Marija fuq it-tila u biljetti tal-lotterija tal-festa.
  9. Matul din il-ġimgħa daħlu:
    • € 90 bħala donazzjonijiet b’risq il-manutenzjoni tal-koppla minn ġewwa. Il-proġett li nkluda l-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl ġie inawgurat. Kif kellna l-armar fuq il-bejt, dehrilna li jaqbel li nduru s-sellum ta’ barra tal-koppla. Parti minnu qlajniha diġa’ u tistgħu tarawha intom u ħerġin mill-bieb in-naħa tal-artal ta’ San Ġużepp biex tapprezzaw il-bżonn ta’ manutenzjoni għas-sigurta’ ta’ min jużah. Nirringrazzjakom.
  10. Nitolbu għal Teresa Camilleri li għaddiet għal ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem …
close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.