Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma

Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma

Id-Dsatax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, aħna nagħmlu l-qalb u nsejħulek Missier; saħħaħ fina l-Ispirtu tal-ulied adottivi tiegħek, biex jistħoqqilna niksbu l-wirt li int wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej.
1 Slat 19, 9a.11-13a

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien: Elija wasal fil-Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej. Hemmhekk daħal fl-għar u għadda l-lejl ġo fih. U Alla qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej”. U ara, il-Mulej għadda. Riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżhiża. U wara t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb l-għar.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14

R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar,
għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

Nixtieq li jiena nnifsi kont maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti.
Rum 9, 1-5

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, 1ngħidilkom is-sewwa fi Kristu, m’iniex nigdeb, tixhidli l-istess kuxjenza tiegħi fl-Ispirtu s-Santu, li jiena mnikket għall-aħħar, u dejjem qalbi maqsuma; nixtieq li kont jiena stess maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti, nies ġensi skond il-ġisem: l-Iżraelin.

Tagħhom hija l-adozzjoni ta’ wlied Alla u l-glorja, il-pattijiet u l-Liġi, il-liturġija u l-wegħdiet, tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skond il-ġisem, ħareġ Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem ta’ dejjem. Amen!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 129 (130), 5

Hallelujah. ℟. Hallelujah.
Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.
Mt 14, 22-33

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

Wara lin-nies kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.

Id-dgħajsa kienet diġa’ f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!”. qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”, qallu, “għaliex iddubitajt?”.

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fir-rakkont tal-lum niltaqgħu ma’ Ġesù jimxi fuq l-ilma. L-istess rakkont insibuh fl-Evanġelji skont San Mark u San Ġwann, imma huwa biss San Mattew li jirrakkonta l-ġrajja fejn anke Pietru (mhux biss Ġesù) jimxi fuq l-ilma. Minkejja li Ġesù għadu kif tema’ ħamest elef ruħ, u minkejja li d-dixxipli għadhom kif raw dan il-miraklu jseħħ quddiem għajnejhom, l-episodju tal-lum bħal donnu jċanfar il-fidi tagħhom.  

Ħafna minnhom kienu sajjieda primi … kienu jafu x’joffri l-baħar meta jkollhom ir-riħ kontra tagħhom. Hekk kif raw lil xi ħadd riesaq lejhom miexi fuq il-baħar “twerwru … u qabdu jgħajtu bil-biża’ “ għax m’għarfuhx lill-Imgħallem, ħasbuh xi fantażma. San Mattew iżda jgħidilna li Ġesù “minnufih” għamlilhom il-qalb biex ma jibżgħux għax “Jiena Hu.” Kemm jieħu paċenzja bina l-Mulej!  

U hawn jidħol Pietru fix-xena. Pietru, li magħruf għall-mod ta’ kemm kien żbukkat, talab lil Ġesù jordnalu jmur ħdejh fuq l-ilma. U Ġesù jwieġbu b’kelma waħda, “Ejja.” Aħna mdorrijin nikkritikaw lil Pietru għal dak li jiġri ftit mumenti wara, imma ta’ min japprezza li, minkejja l-baħar qawwi, kien Pietru li kellu l-gazz joħroġ minn ġod-dgħajsa. Il-bqija baqgħu fid-dgħajsa, ħadd minnhom m’azzarda jixref siequ ’l barra mid-dgħajsa! Kien meta Pietru neħħa ħarstu minn fuq il-Mulej li ħabat jegħreq u beda jgħajjat biex il-Mulej isalvah. U għal darb’oħra San Mattew jagħtina dettall sabiħ: “Malajr Ġesù medd idu u qabdu.” Kemm jieħu paċenzja bina l-Mulej! Imma bħalma ċanfar lil Pietru għall-fidi żgħira tiegħu, hekk ukoll iċanfar lilna kull meta ħarsitna ndawwruha fuq ir-riħ qawwi flok fuqu.  

Interessanti li, sakemm Pietru kien miexi fuq l-ilma, il-Mulej ma waqqafx ir-riħ. Ir-riħ waqaf meta t-tnejn telgħu fid-dgħajsa. 

Il-Mulej ma jneħħilniex il-mewġ tal-ħajja imma Hu jibqa’ hemm quddiemna sabiex aħna nħarsu lejh waqt li nimxu u nitħabtu mal-mewġ.  

Il-Mulej ma jiskansaniex mit-tbatija imma jibqa’ magħna fl-istess tbatija u saħansitra joffrilna jdejh biex niddendlu magħha.  

Nimxu fuq l-ilma bla ma negħrqu dment li nixtħu ħarsitna fuqu u dment li niddendlu ma’ dik l-id li dejjem tistenniena niggranfaw magħha.

S’issa, flimkien mad-dixxipli, rajna tliet mirakli: 
– Ġesù jimxi fuq l-ilma; 
– Pietru jimxi fuq l-ilma (sakemm imbagħad iddubita); 
– it-tempesta u r-riħ waqfu. 

Imma San Mattew jirrakkonta l-ikbar miraklu proprju fl-aħħar vers: “Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu, ‘Tassew, int Bin Alla!’” Kienet l-ewwel darba li d-dixxipli stqarru li Ġesù huwa Bin Alla. 

Il-miraklu l-kbir iseħħ fil-qalb tal-bniedem meta jikkonverti, meta jibdel ir-rotta. 

Il-miraklu l-kbir iseħħ fis-skiet u l-moħbi meta ħarsitna ma tibqax fuq ir-riħ ta’ madwarna imma tistrieħ fuq Ġesù.  

Il-miraklu l-kbir iseħħ fil-konvinzjoni li ma nsalvawx bil-ħila tagħna imma meta niggranfaw ma’ id l-Imgħallem, speċjalment waqt  il-maltemp. 

Talba

Mulej, xi drabi jiena bħad-dixxipli … nibża’, nitwerwer, u ma nazzardax nixref riġli barra mid-dgħajsa. Ma nirriskjax u ma nafdakx. Xi drabi jiena bħal Pietru … żatat u naħseb li jirnexxili mingħajrek. Illum mhux ser nitolbok twaqqaf il-maltemp. Illum mhux ser nitolbok trażżan ir-riħ. Nitolbok biss tagħtini l-kuraġġ biex ħarsti ma naqlagħha qatt minn fuqek. Nitolbok biss id-dispożizzjoni interjuri biex nisimgħek tgħidli, “Tibżax” … nisimgħek tgħidli, “Ejja” … u nisimgħek ukoll tgħidli, “Għaliex iddubitajt?” Għax il-mistrieħ tiegħi ma nsibux meta tieqaf it-tempesta, imma nsibu meta nkun imdendla ma’ idek. Inti aqwa mill-ikbar tempesta. Inti dak li ssalvani. Nitolbok biex permezz tat-tempesta nagħrfek għal dak li Int, “Bin Alla,” bħalma għarfuk id-dixxipli fid-dgħajsa. Imbagħad ikun tassew seħħ il-miraklu l-kbir. 

Ammen

The post Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.