Il-pubblikani jaslu qabilkom fis-Saltna ta’ Alla

Il-pubblikani jaslu qabilkom fis-Saltna ta’ Alla

Is-Sitta u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla, inti tagħtina l-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħek bla tarf billi taħfrilna u tħenn għalina; xerred dejjem fuqna l-grazzja tiegħek, biex inħaffu fit-triq tal-wegħdiet tiegħek u tagħtina sehem mill-ġid tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub, isalva ruħu.
Eżek 18, 25-28

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid il-Mulej: “Intom tgħidu: “M’hijiex sewwa l-imġiba tal-Mulej!”. Issa isimgħu, dar Iżrael: Forsi l-imġiba tiegħi m’hijiex sewwa? Mhux l-imġiba tagħkom li m’hijiex sewwa?

Jekk wieħed ġust jitbiegħed mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba ħżunitu jkun miet. Imma jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu. Għax ikun intebaħ u reġa’ lura mid-dnubiet kollha li jkun għamel, u jibqa’ ħaj u ma jmutx”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 24 (25), 4-5.6-7.8-9

R/. (6a): Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Għalik nixxennaq il-jum kollu. R/.

Ftakar fil-ħniena u fit-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Tiftakarx fil-ħtijiet u fid-dnubiet ta’ żgħożiti:
inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skond it-tjieba tiegħek. R/.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù.
Fil 2, 1-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda u mlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed.

Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.

Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:
hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir;
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u
żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,
11u kull ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew il-forma l-qasira

QARI II
Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù.
Fil 2, 1-5

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda u mlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed.

Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor. Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
Hallelujah

Il-pubblikani jaslu qabilkom fis-Saltna ta’ Alla.
Mt 21, 28-32

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu: “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli”.

U dak qallu: “Ma rridx”. Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. “Arani sejjer, sidi,” qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?”. “L-ewwel wieħed”, weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa la ħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Quddiem dan l-Evanġelju nikkonsla għax bħall-iben il-kbir l-ewwel tweġiba tiegħi għandha ħabta tkun “Le!”, imbagħad ħalli wara ħafna tgergir jerġa’ jibdieli u nagħmel dak li jkun mitlub minni. U, id-drabi li ngħid “Iva,” għid li mbagħad nispiċċa ninsa. U nimmaġina li lkoll ninqabdu f’dawn is-sitwazzjonijiet—jekk xejn, ma jistax jonqos li ngergru ftit, imqar fuq it-temp, inkella ma nkunux Maltin ta’ veru. Imma b’daqshekk m’aħniex iġġustifikati!

Intant, l-Evanġelju mhuwiex primarjament dwar liema iben hu l-aħjar, imma iktar dwar l-aħħar kelma li biha jagħlaq Ġesù meta lill-Fariżej jikkonfrontahom fuq in-nuqqas ta’ fidi tagħhom fil-possibbiltà li Alla għadu jitkellem u jwassal il-Kelma tiegħu, anke jekk permezz ta’ persuni kemxejn eċċentriċi bħalma kien Ġwanni l-Battista. U, għax jibqgħu ma jindmux u ma jikkonvertux, jibqgħu mwaħħlin mal-fehma tagħhom, għall-kuntrarju ta’ dawk li kienu iktar umli u saqajhom mal-art biex jagħrfu d-dnub tagħhom u jindmu—Ġesù jsemmi speċifikament il-pubblikani u n-nisa tat-triq, żewġ kategoriji ta’ persuni, waħda maskili u l-oħra femminili, li min-natura tal-istess impjieg jew xogħol tagħhom kienu jikklassifikaw mal-midinbin. U l-Ewwel Qari jurina s-serjetà ta’ dan il-kuntrast meta juri li l-bniedem tajjeb ma jista’ qatt jasal f’punt li jserraħ moħħu li ġabar biżżejjed punti fil-Loyalty Card u allura jista’ jintelaq, filwaqt li, fil-każ tal-bniedem midneb li jikkonverti, Alla fil-ħniena tiegħu jagħżel li ma jħarisx lejn il-passat imma jitpaxxa bit-triq it-tajba li nfetħet sabiex l-midneb isir qaddis. 

Għaldaqstant, bħalma rajna fil-Liturġija tal-Kelma tal-Ħadd li għadda, is-sigriet qiegħed għal darb’oħra fil-ħtieġa li l-ħsieb tagħna u t-triq tal-ħajja tagħna ma jibqgħux jimxu skont il-moda u t-toroq tad-dinja imma jogħlew ’il fuq sabiex, kif qal San Pawl lill-Filippin fit-Tieni Qari, naslu li nibdew naħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù. U kif kien jaħseb Kristu Ġesù? 

San Pawl jelenka diversi aspetti tal-ħsieb ta’ Ġesù. L-ewwel nett San Pawl jagħmilha ċara li dak li wieħed iġarrab fir-rabta tiegħu ma’ Ġesù—il-faraġ, il-ħlewwa fl-imħabba—dan mhuwiex sempliċiment qligħ personali jew xi promozzjoni li tagħmlu iktar qaddis mill-oħrajn, imma huwa wkoll don għall-komunità hekk li jwassal għat-tisħiħ tax-xirka fl-Ispirtu, għall-wiri ta’ ħniena u mogħdrija, għal fehma waħda mingħajr piki u ftaħir, sabiex ikunu ruħ waħda u ħsieb wieħed bejniethom fi Kristu. 

Imbagħad San Pawl ikompli billi espliċitment jgħid il-ħsieb, il-pjan, ta’ Kristu Ġesù, dak li għamel għalina bħala mudell ta’ kif aħna għandna naħsbuha: ipoġġi quddiemna l-misteru sħiħ ta’ Kristu li, għad li hu Alla, wettaq il-Kelma tal-Missier u, mhux talli ma stmerrx li jsir wieħed minna, talli laqgħa b’ubbidjenza l-mewt, saħansitra l-mewt tas-salib, bħala konsegwenza naturali tal-fatt li hu tgħabba bil-ħtija tad-dnubiet tagħna. Veru, kif ifisser Pawlu, wara seħħet il-glorifikazzjoni ta’ Kristu li tilħaq il-milja tagħha fl-aħħar taż-żmien. Imma anke din l-istess glorifikazzjoni hija don għalina għax, jekk aħna nitgħallmu naħsbu u ngħixu f’din l-umiltà li biha għex Ġesù, aħna wkoll niġu msieħba miegħu fil-glorja. 

Talba

Mulej, il-ħsieb tiegħek għandu l-forma tas-Salib, u l-ħsieb tiegħi wkoll jeħtieġ jieħu l-forma tas-Salib tiegħek li minn banda huwa umiljazzjoni li fija trawwem l-umiltà u mill-banda l-oħra huwa salvazzjoni jekk inħalli lili nnifsi nintmiss u niġi mċaqlaq miċ-ċertezza tiegħi fija nnifsi u maqlugħ mid-dnub tiegħi. Mulej, dan kollu mhuwiex faċli imma żgur li, permezz tal-Kelma tiegħek u wkoll permezz tal-ikel Ewkaristiku, inti tista’ twettaq din il-bidla fija sabiex ftit ftit niftaħ iktar idejn il-ħsieb tiegħi biex jieħu l-forma tas-Salib li jumilja imma wkoll isalva, lili u lil oħrajn miegħi u permezz tiegħi. Ammen. 

The post Il-pubblikani jaslu qabilkom fis-Saltna ta’ Alla appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.