Il-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra

Il-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra

Sebgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti tfawwar tjubitek fuq dawk li jitolbuk u tagħtihom aktar milli jistħoqqilhom, aktar milli huma stess jistgħu jixtiequ; xerred fuqna l-ħniena tiegħek, billi taħfrilna kulma jbeżżagħna fil-kuxjenza tagħna u tagħtina dak li ma għandniex ħila nitolbuk. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

L-għalqa tal-Mulej tal-eżerċti hija d-dar ta’ Iżrael.
Iż 5:1-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi
l-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.
Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli
fuq għolja għammiela.
Għażaqha u naddafha miż-żrar,
u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar;
bena torri f’nofsha,
u wkoll ħaffer magħsar fiha.
Stennieha tagħmel l-għeneb tajjeb,
iżda kulma għamlet kien għeneb qares.
U issa, intom li tgħammru f’Ġerusalemm,
irġiel ta’ Ġuda,
agħmlu intom ħaqq bejni u bejn l-għalqa tad-dwieli tiegħi.
X’kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi
u ma għamiltux?
Stennejtha tagħmel għeneb tajjeb,
u kulma għamlet kien għeneb qares.
U issa ħa nurikom
x’sejjer nagħmel jien lill-għalqa tiegħi tad-dwieli.
Inneħħilha l-ilqugħ ta’ madwarha, u jħarbtuha;
inġarrfilha l-ħajt,
biex in-nies tgħaffiġha.
Nagħmel minnha xagħra;
ħadd ma jiżborha jew jaħdimha,
u jinbet fiha x-xewk u l-ħurrieq.
Jien ngħid lis-sħab
biex ma jagħmilx xita fuqha!

Għax l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej tal-eżerċti
hija d-dar ta’ Iżrael;
u l-irġiel ta’ Ġuda
huma l-mixtla tal-għalqa tiegħu.
Huwa stenna l-ġustizzja,
u araw sab it-tixrid tad-demm,
stenna s-sewwa,
u araw sama’ l-għajat tal-maħqura.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 79(80):9,12,13-14,15-16,19-20

R/. (Iż 5:7a): Il-għalqa tal-Mulej hija d-dar ta’ Iżrael.

Inti qlajt dielja mill-Eġittu,
warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.
Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,
sax-xmara ż-żraġen tagħha. R/.

Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,
u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?
Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ,
il-bhejjem tar-raba’ jirgħu fiha. R/.

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. R/.

Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek.
Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi. R/.

Alla tas-sliem ikun magħkom.
Fil 4:6-9

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

Mill-bqija, ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kulma hu veru, f’kulma hu xieraq, f’kulma hu ġust, f’kulma hu safi, f’kulma jiġbed l-imħabba, f’kulma jistħoqqlu ġieħ, f’kulma hu virtù, f’kulma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu.

U kulma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Ġw 15:16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien għażilt lilkom biex tmorru tagħmlu l-frott
u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.
Hallelujah

Il-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra.
Mt 21:33-43

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu”, qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”.

Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?

Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Din il-parabbola Ġesù jgħidha speċifikament lill-mexxejja reliġjużi ta’ żmienu. Illum, qed nisimgħuha lkoll kemm aħna—mela qed jgħidha lilna. 

Il-konklużjoni hi ta’ min jagħti kasha: “Qalilhom Ġesù: ‘Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka; bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna”?’” Il-fidi tagħna pedament wieħed għandha: lil Ġesù l-Messija. Ġenerazzjoni wara oħra daħħalna drawwiet reliġjużi li naħsbu li jsalvawna, imma li ftit ftit bihom warrabna l-Ġebla tax-Xewka, warrabna lil Ġesù li hu l-uniku Salvatur, l-uniku Medjatur bejna u bejn il-Missier tas-Sema. Għamejna b’dawn id-drawwiet reliġjużi, inħossuna sodisfatti li qed nagħmlu d-dover tagħna, u għalhekk inħossu li m’aħniex ’il bogħod minn Alla. Imbagħad inħarsu madwarna u naraw numri dejjem jonqsu fil-Knisja (mhux tal-ġebel), sirna ġens li tlifna l-GPS u ninsabu mitlufin moralment. Inħarsu lejna nfusna u nsibu vojt li donnu xejn ma jista’ jimlieh. Ir-raġuni hi li warrabna l-Ġebla tax-Xewka. Irridu nerġgħu npoġġu lill-Messija fl-ewwel post f’ħajjitna. Wieħed biss jista’ joqgħod fuq it-Tron!  

X’nista’ nagħmel jien biex insaħħaħ il-fidi tiegħi f’Ġesù u nistqarru b’Mulej u Salvatur ta’ ħajti? X’nistgħu nagħmlu bħala gruppi fil-Knisja biex inrewħu l-fjamma tal-fidi fis-soċjetà Maltija? 

Talba

Missierna, nitolbuk maħfra għax ħallejna drawwiet reliġjużi jieħdu post relazzjoni personali miegħek permezz ta’ Ġesù. Nitolbuk iġedded fina l-Ispirtu s-Santu biex inkunu ħfief biex inxandru li Ġesù Kristu hu l-Ħellies u s-Salvatur b’kull mod possibbli, bl-eżempju u bil-kliem. U ma nħallux din ir-responsabbiltà f’idejn ħaddieħor imma nħalluk tużana bħala xhieda tiegħek. Grazzi, Mulej.  

The post Il-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.