F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx

F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx

It-Tielet Ħadd tal-AvventSena B

Kolletta

O Alla, inti taf b’liema fedeltà l-poplu tiegħek qiegħed jistenna l-festa tal-Milied; agħtina, nitolbuk, li jseħħilna naslu għall-hena bla qies li nġarrbu fit-twelid ta’ Sidna, u li b’qalb ferħana niċċelebrawh dejjem b’solennità qaddisa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej.
Iż 61:1-2a,10-11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
bagħatni ndewwi l-qalb miksura;
biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;
biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,
taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
bħal għarus imżejjen b’kuruna,
bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

Bħalma l-art tnibbet,
bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,
hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija,
quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Lq 1:46-48,49-50,53-54

R/. (Iż 61:10b): Taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem
kull nisel isejjaħli hienja. R/.

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu. R/.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu. R/.

Sħaħ bla mittiefsa, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.
1 Tess 5:16-24

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Ħuti, ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù. Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija. Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta’ ħażen.

U Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu. Fidil hu Alla li sejħilkom, u huwa jagħmel dan.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Iż 61:1

Hallelujah. R/. Hallelujah.
L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi:
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah.

F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx.
Ġw 1:6-8,19-28

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?”. “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?”. “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?”. U hu wieġeb kif qal il-profeta Iżaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?”. “Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”.

Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Il-Knisja Kattolika tippreżentalna t-Tielet Ħadd tal-Avvent bħala Ħadd il-Ferħ. Din it-tema tal-ferħ hija waħda mill-punti prinċipali ta’ dan l-Evanġelju meħud minn San Ġwann. 

Alla nqeda bil-persuna ta’ Ġwanni l-Battista sabiex ikun il-pont bejn it-Testment l-Antik (qabel ma twieled Ġesù) u t-Testment l-Ġdid (mill-profeziji ta’ Ġwanni l-Battista ’l qudddiem). Ġwanni l-Battista huwa dak il-profeta li bil-għajnuna ta’ Alla iħares lejn is-sitwazzjoni globali, kulturali, u reliġjuża ta’ pajjiżu, u ġibet l-attenzzjoni tal-poplu sabiex jagħmel riflessjoni serja dwar ħajtu personali u dwar ir-relazzjoni tal-individwu ma’ Alla. Għalhekk stedinhom għall-indiema. Ġwanni l-Battista kien konvint li jekk il-bniedem jirrifletti sew, jekk ir-relazzjoni tiegħu m’Alla titjieb, b’konsegwenza l-affarijiet ta’ madwaru jieħdu xejra oħra.  

Ġwanni nistgħu nqisuh il-profeta tat-tama, imma bl-akbar umiltà ħabbar lil dak li ġej warajh—Ġesù—hu l-veru dawl tad-dinja. Fih hemm il-milja ta’ kull tama. Hu s-salvatur tal-umanità u tal-ħolqien kollu. Il-Battista setgħa jagħmel dan kollu għax emmen. Il-Fariżej—persuni suppervi, mimlija bihom infushom, rashom iebsa—poġġew il-fidi tagħhom fil-kitba, filwaqt li l-Battista pprova jurihom li l-fidi tagħhom għandha titpoġġa f’Ġesù Kristu, veru bniedem u veru Alla.  

Ġwanni l-Battista, bil-personalità qawwija tiegħu, aċċetta lilu nnifsu kif inhu. Aċċetta l-missjoni li tah Alla. Fuq kollox, aċċetta l-fatt li hu biss il-ħabbar tal-Mulej: hu mhux it-triq, imma dak li jgħin lill-poplu jwitti t-triq sabiex jilqa’ lill-Messija. Il-qawwa tal-karattru ta’ Ġwanni l-Battista, l-aċċettazzjoni tal-missjoni u ta’ sa fejn kellu jasal f’din il-missjoni, flimkien mas-sinċerità interjuri msejsa fuq umiltà kbira, hija ta’ ispirazzjoni għal kull wieħed u waħda minna.  

Tgħid il-Battista ma kellux biex jiftaħar u jieħu l-post ċentrali ? Imma ma għamilx hekk. Kien jaf li hu mhux il-Mulej. Żamm postu. Fil-Battista naraw il-bniedem li wera u qed juri lilna li ċ-ċentru ta’ kulma hu maħluq huwa Ġesù Kristu; fih hemm il-milja ta’ kollox.

Talba

Mulej, għarrafni tassew min jien b’mod sħiħ quddiemek. Aħrifli ta’ meta fittixt li nkun iċ-ċentru tal-affarijiet bla ma jistħoqqli. Agħmel li ma nfittex il-ferħ ta’ ħajti f’ħadd u f’xejn għajr fik. 

The post F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.