Is-Sitt Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena B
Kolletta
O Alla, inti tajtna kelma li tagħmel l-għamara tiegħek fir-ruħ sewwa u safja; agħmel li, bil-grazzja tiegħek, jistħoqqilna li tgħammar fina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Il-liturġija tal-Kelma tal-lum tlaqqagħna ma’ realtà li m’għadniex inħossuha qrib tagħna, ħlief forsi għal xi ritratti jew filmati f’pajjiżi inqas żviluppati. U l-għarfien xjentifiku li għandna llum iwassalna biex niddistingwu iktar faċilment bejn mard u ieħor tal-ġilda. Għaldaqstant, il-liġijiet marbutin ma’ min jimrad bil-ġdiem fl-Ewwel Qari forsi nistgħu niskantaw bihom u narawhom primittivi. Imma, bil-korrettezza politika u l-inklużjoni kollha tagħna, dan l-istint primittiv li nipproteġu ruħna minn xulxin xorta għadu hemm. Xorta waħda għadna nieħdu nifs ’il ġewwa xħin nisimgħu li xi ħadd għandu l-Covid—ħalliha li mbagħad jekk nisimgħu li kien riħ jew xi virus gastriku jew l-influwenza, ngħid, “Għall-erwieħ, tal-anqas mhux Covid,” bħallikieku dawn għandhom xi gravità inqas jew jikkawżaw inqas imwiet ta’ kull sena.
Ovvjament, dan ma jfissirx li m’għandniex nirrispettaw u nipproteġu lil xulxin fejn jidħol mard infettiv, anke l-iktar komuni. Però dan hu eżempju ċkejken u redikolu ta’ kemm faċli nużaw it-tabella ta’ “mniġġsin,” anke għal kategoriji oħra ta’ persuni li, minkejja l-libertà li tant nisħqu fuqha, xorta nħossu l-ħtieġa li nħarsu ruħna minnhom.
Faċli niżolaw lil min marid b’mod terminali jew anzjan bl-iskuża li m’għandniex qalb narawhom ibagħtu, jew tiġina ħlewwa ta’ qalb … flok inħallu qalbna toħroġ għal min l-iktar jeħtieġ l-attenzjoni. Inħossu l-bżonn li nħarsu s-soċjetà tagħna milli jkollha tieħu ħsieb persuni b’ċerti kundizzjonijiet qabel ma jkunu twieldu, imma mbagħad inċemplu f’kull kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għall-karità li jkun hemm. Inħossuna mhedda minn persuni ta’ lewn partikolari ta’ ġilda imma ninħallu minn bjuda iktar minn tagħna. Nibżgħu minn min ma nafuhx għax ta’ kultura differenti, li ma jmurx jagħtina fastidju, imma ma niddarrsux nużaw is-saħħa tagħhom għall-bżonnijiet tagħna.
U nista’ nibqa’ sejjer b’litanija simili, imma ma’ kull katergorija li nsemmi, iktar ninduna li l-imniġġes huwa jien. Imniġġes għax maħkum mill-biża’. Imniġġes għax, waqt li niżola lil ħaddieħor, nispiċċa iżolat jiena wkoll. Imniġġes għax indawwar ħarsti meta niddarras mit-tbatija u d-demm, imma ma niddardarx inħares lejn il-ġisem u d-demm—sew b’mod pornografiku u sew b’mod makabru—minkejja li l-persuni involuti huma wkoll reali u qed ninqeda bihom. Imniġġes mill-ġudizzji. Imniġġes mid-dnub u l-vizzju. Imniġġes għax, kull min imiss miegħi, jispiċċa migruf għax kliemi jniggeż u jaqta’. Imniġġes anke fil-mod ta’ kif inħares lejja nnifsi, bħal meta jkollok il-katarretti u, tħares lejn xiex tħares, kollox tarah imżelleġ. Imniġġes għax tant jien negattiv u ċiniku li kull min imiss miegħi anke lilu nispiċċa ninfetta. Imniġġes, u nagħmel minn kollox biex innaffar lin-nies ta’ madwari. Imniġġes, u naf li mniġġes, imma ħasra ikbar jekk ma nirrikonoxxix li jiena mniġġes.
Forsi kontinwament indur lejn il-Mulej u nitolbu biex ifejjaqni, imma nħossni dgħajjef wisq, u m’għandix fiduċja biżżejjed biex nuża l-kliem qawwi tal-lebbruż tal-Evanġelju: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!” għax jew ikkonvinċejt ruħi li hu ma jridx jew m’għandux tassew il-qawwa, jew jien mhux veru nixtieq infieq għax mhux lest li ninbidel—sibtni komdu kif jien.
Imma, jekk inkunu lesti noħorġu mill-iżolament tagħna, illum, il-Ħadd, u kull nhar ta’ Ħadd, nistgħu nersqu lejn il-Mulej Ġesù flimkien bħala komunità ta’ mniġġsin, kolonja ta’ lebbrużi, u b’vuċi waħda nitolbuh: “Jekk trid, tista’ tfejjaqna!” Jista’ l-Mulej jiċħdilna talba bħal din? Le, ma jistax jibqa’ indifferenti, imma kull darba jitqanqal fil-qalba ta’ qalbu bil-ħniena, imidd idu fuqna, imiss il-ħmieġ tagħna, imiss lilna li mal-ħobż u l-inbid noffrulu wkoll il-ġisem u l-persuna sħiħa tagħna mniġġsa kif inhi, sabiex b’rieda sħiħa jfejjaqna … jekk tassew trid.
Se jitolbok is-skiet u jwiddbek għax faċli taħseb li l-fejqan ġie bil-ħila tiegħek. Imma jekk fis-skiet jimmatura l-għarfien li Kristu tassew qiegħed ifejqek u juri miegħek ħniena bla tarf għax fuq is-salib ħa fuqu t-tinġis kollu tiegħek, hemmhekk imbagħad, iva, tkun tista’ tassew ixxandar ma’ kullimkien u xxerred l-aħbar li dan Alla magħmul bniedem li nemmnu fih huwa Alla li jeħles mill-jasar, hu Alla li jfejjaq mill-mard, hu Alla li joħroġna mill-iżolament għall-‘aħna’ tal-ulied u l-aħwa.
Talba
Mulej, nemmen li inti trid u għandek il-qawwa li tfejjaqni. Agħtini, nitolbok, l-umiltà biex naċċetta tal-anqas miegħi nnifsi li jiena mniġġes sabiex inkun nista’ ninxteħet għarkupptejja f’riġlejk b’fidi u tama għax, iktar minn kollox, hija din l-istqarrija li minnha nnifisha diġà tagħtina l-ħelsien u l-fejqan għax tpoġġina għarkupptejja quddiemek li ħlaqtni u salvajtni.
The post Kun imnaddaf! appeared first on Behold.
Ikkummenta