Avviżi – 24.03.2024 – Ħadd il-Palm
- Illum 24/03:
- Nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa. Fid-9.00am ninġabru quddiem il-M.U.S.E.U.M. tas-Subien biex issir iċ-ċerimonja tat-tberik tal-palm u ż-żebbuġ. Fid-9.30 tibda quddiesa solenni fil-Knisja li fiha t-tfal jippreżentaw il-karus ta’ imħabba. Inħeġġiġkom issegwu l-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa li tqassam fi djarkom u ssegwu l-paġna ta’ facebook ‘Parroċċa Ħad-Dingli’ għad-dettalji kollha dwar il-funzjonijiet, is-servizz tal-qrar u inizjattivi oħra.
- It-Tnejn 25/03, niċċelebraw il-Festa tas-Salib Imqaddes:
- Fis-7.00pm – Mument ta’ talb fil-Knisja u wara pellegrinaġġ wara x-xbieha tal-Kurċifiss saċ-Ċimiterju. Kulħadd mistieden.
- It-Tlieta 26/03:
- Mit-8.00am ‘il quddiem isir it-tindif tal-Knisja. Napprezzaw ħafna l-għajnuna ta’ min jista’ jagħti daqqa t’id.
- Fl-4.15pm jitlaq trasport għall-pellegrinaġġ għall-Kuriċifiss Mirakoluż fil-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt. Min se jiġi bit-trasport organizzat għandu jinkiteb fis-sagristija sal-lum.
- L-Erbgħa 27/03:
- Mill-5.00pm sas-5.45pm – ‘Miet għalina għax tant iħobbna’. Ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa għat-tfal minn 7 snin ‘il fuq fil-Knisja Arċipretali mmexxija mill-membri tal-Kummissjoni Tfal.
- Sal-Erbgħa filgħaxija fil-knisja nilqgħu fjuri bojod, weraq (bħal belladonna) u palm żgħir biex isiru l-arranġamenti tal-fjuri għall-Artal tar-Repożizzjoni.
- Il-Ħamis 28/03, Ħamis ix-Xirka:
- Filgħodu l-Knisja tiftaħ għal mument ta’ talb fis-7.30am. Illum l-unika quddiesa fil-parroċċa tkun dik tas-6.30 p.m. li tkun konċelebrazzjoni solenni li tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u s-Saċerdozju. Fit-8.15 u fid-9.15 p.m. jkollna Viżti Organizzati. Fl-10.15 tibda siegħa adorazzjoni. Wara, il-knisja tibqa’ miftuħa sa nofsillejl għal talb privats.
- Il-Ġimgħa 29/03, Jum il-Ġimgħa l-Kbira:
- Għandna l-obbligu tas-sawm u l-astinenza. Fis-7.00, it-8.30 u l-10.30 a.m. ikollna viżti organizzati. Fit-8.00 a.m. mistiedna ningħaqdu mas-saċerdoti għat-talb tal-uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum. Fid-9.30 a.m. nistiednu lit-tfal kollha għal ħin ta’ talb fil-Knisja. Wara nofsinhar, il-funzjoni solenni li tfakkar il-Passjoni tal-Mulej tibda fit-3.00
- Is-Sibt 30/03, Sibt il-Għid:
- Fis-7.30am jibda mument ta’ talb miftuħ għal kulħadd fil-Knisja. Filgħaxija, fis-6.30 ikollna qrar minn konfessur barrani u fit-8.00pm nagħtu bidu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili ta’ l-Għid. Nistednukom iġġibu x-xemgħat tat-tazza ħamra magħkom mid-dar, qies normali. Wara li nużawhom fil-funzjoni nħalluhom il-knisja biex inkunu nistgħu nixegħeluhom matul is-sena fuq l-altar jew maġenb it-tabernaklu. Ġibu anke qanpiena għall-mument tal-Glorja . . .
- Il-Ħadd 09/04, L-Għid il-Kbir:
- Il-quddiesa tad-9.30 a.m. tkun għat-tfal kollha u se tiġi organizzata mill-Kummissjoni Tfal. Wara, inkomplu fuq iz-zuntier bit-tberik tal-figolli li t-tfal ikunu ġabu magħhom.
- Nhar Ħadd il-Għid wara l-quddiesa tal-4.30 p.m. joħroġ il-Vjatku Solenni. Dan hu servizz ieħor li l-parroċċa qed tagħti lill-morda tagħna billi twasslilhom fi djarhom l-Ewkaristija fl-akbar festa tal-knisja. Dawk li jixtiequ jitqarbnu fi djarhom fl-Għid għandhom ikellmu lill-Arċipriet jew lil xi ħadd mis-saċerdoti sa nhar il-Ġimgħa.
- Avviżi oħra:
- Fil-kappella ta’ Santa Marija Maddalena għaddejja wirja mtella’ mill-grupp tal-Abbatini li tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa l-Kbira. F’Ħamis ix-Xirka filgħaxija se jkun hemm mixgħela fuq barra.
- L-ordnijiet tal-figolli b’riżq il-parroċċa se jibqgħu jintlaqgħu fis-sagristija jew mill-paġna ta’ facebook sal-lum.
- Wara l-Għid ser ikollna żewġ ħarġiet:
- it-Tlieta 11/04 għat-tfal u l-familji organizzata mill-Kummissjoni Tfal. Se nżuru l-istudios ta’ ta’ CPImedia f’Santa Venera fejn jiġu rrekordjati u imxandra diversi programmi soċjo-reliġjużi. Se jkollhom ukoll mument ta’ talb u rikreazzjoni fil-ġnien. Dawk li se jattendu jkellmu lill-membri tal-Kummissjoni Tfal jew jinkitbu fis-sagristija u jġibu magħhom packed lunch; u
- l-Erbgħa 12/04 – ħarġa ta’ ġurnata għal Għawdex miftuħa għal kulħadd. Kitba fis-sagristija jew għand il-membri tal-kumitat tal-Grupp tan-Nisa ‘Magnificat’.
- Fuq iz-zuntier illum għandna għall-bejgħ qagħaq tal-appostli.
- Matul din il-ġimgħa daħlu:
- € 140 bħala donazzjonijiet b’risq il-manutenzjoni tal-bejt tal-knisja u s-sehem tal-parroċċa għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl aktar effiċjenti għall-knisja.
Ikkummenta