Alla hu mħabba

Alla hu mħabba

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

Kolletta

O Alla li tista’ kollox, agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira dawn il-ġranet ta’ ferħ li fihom qegħdin nagħtu ġieħ lill-Mulej li qam mill-imwiet, u agħtina li l-istess għemil tagħna jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Id-don tal-Ispirtu s-Santu ssawwab fuq il-pagani wkoll.
Atti 10:25-26,34-35,44-48

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Xħin daħal Pietru fid-dar ta’ Kornelju, dan mar jilqgħu u ntefa’ f’riġlejh jagħtih qima. Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll”.

Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun”.

Meta Pietru kien għadu qiegħed jgħid dan, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh. Dawk li kienu marru ma’ Pietru, Lhud li kienu emmnu, stagħġbu kif Alla sawwab id-don tal-Ispirtu s-Santu fuq il-pagani wkoll. Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru l-kobor ta’ Alla.

Imbagħad Pietru qal: “Jista’ xi ħadd jiċħad l-ilma tal-magħmudija lil dawn in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh aħna wkoll?”. U ordna li jitgħammdu fl-isem ta’ Kristu. Imbagħad huma talbuh jibqa’ għal ftit jiem magħhom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 97(98):1,2-3ab,3ċd-4

R/. (ara 2b): Il-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.

jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

Alla hu mħabba.
1 Ġw 4:7-10

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.

B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih.

U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 14:23

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah.

Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.
Ġw 15:9-17

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.

Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Id-diskors tal-lum ikompli eżatt fuq id-diskors tal-bidwi, tad-dielja u tal-friegħi li qrajna l-ġimgħa l-oħra. Imma issa Ġesù ma jibqax jitkellem permezz ta’ tixbihat imma jirreferi direttament għalih innifsu bħala l-Iben li hu ħaġa waħda mal-Missier u li qed iħeġġiġna biex anke aħna jkollna l-istess intimità miegħu bħalma Hu għandu ma’ Missieru. 

Ir-rabta intima ta’ mħabba (u allura ta’ ubbiddjenza) bejn il-Missier, l-Iben u aħna hija bħal katina ta’ mħabba. Kull ħolqa mhix sempliċiment imwaħħla mal-oħra imma hija mdeffsa ġol-oħra. L-imħabba tal-Missier hija fl-Iben … kif l-imħabba tal-Iben hija fil-Missier u din sabet il-milja tagħha fl-ubbiddjenza sal-mewt tas-salib. Għax tassew, ma hemmx imħabba ikbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. 

F’dan id-diskors aħħari, Ġesù qed idewwaqna minn din l-istess imħabba. Il-ħolqa tiegħu hija mdeffsa ġol-ħolqa tagħna proprju permezz tal-imħabba li għaddielna b’ħajtu (u b’mewtu) stess mingħand il-Missier. U, bl-istess mod, il-ħolqa tagħna tibqa’ mdeffsa ġo tiegħu (u tal-Missier) permezz tal-istess imħabba li toffri lilha nnifisha b’ubbidjenza. Biex tassew aħna ninbidlu f’dak li nirċievu [l-Ewkaristija]. Hekk inġarrbu ġewwa fina l-ferħ sħiħ għax din l-unjoni ma tħalliniex qaddejja li ma nafux x’inhu jagħmel sidna, imma tibdilna fi ħbieb … jew aħjar tibdilna fil-maħbubin (philoi) ta’ Alla. L-imħabba, l-ubbidjenza u l-ferħ sħiħ huma wkoll imdeffsin ġo xulxin bħall-ħoloq f’katina. Jorbtuha flimkien għax huma l-oriġini u r-riżultat ta’ xulxin. Għalhekk hija katina waħda … rabta waħda. 

U, hekk kif ġejna maħbuba, Ġesù jikkmandana nħobbu: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” … bl-istess mod, bl-istess kejl, bl-istess għotja. Għax l-imħabba vera—dik li ġejja mill-Missier—issib il-milja tagħha fl-ubbidjenza tas-salib permezz tal-Iben, biex hekk aħna jkollna l-ferħ, u l-ferħ sħiħ.

Talba

Ġesù, bħalma tarbija fil-ġuf hija ħaġa waħda ma’ ommha, hekk jien nixtieq inkun ħaġa waħda miegħek. M’għażiltikx jien. Inti għażiltni u tibqa’ tagħżilni kuljum, avolja tafni sewwa u taf kemm faċilment nitbiegħed minnek. Il-ħolqa waħidha ma tagħmilx frott. U dan jien nafu sewwa għax ġarrabtu. Imma magħquda miegħek u mal-Missier qalbi ssib il-mistrieħ. 

Għini ħa nitgħallem inħobb bl-istess imħabba li doqt jien mingħandek. 

Għini ħalli din l-imħabba nsarrafha f’ubbidjenza, speċjalment meta ma nifhmekx.

Biex jiena u Inti nkunu l-maħbubin ta’ xulxin u nġarrab tassew il-ferħ tiegħek fija.

Ammen.

The post Alla hu mħabba appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.