Is-Seba’ Ħadd ta’ L-Għid Tlugħ tal-Mulej fis-Sema

Is-Seba’ Ħadd ta’ L-Għid Tlugħ tal-Mulej fis-Sema

Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.
Atti 1:1-11

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha”, qalilhom “smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.

Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 46(47):2-3,6-7,8-9

R/.(6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ.

jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Popli kollha, ċapċpu jdejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.

Naslu fl-aħjar taż-żmien biex isseħħ il-milja ta’ Kristu.
Efes 4:1-13

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qies tad-don ta’ Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: “Tela’”: xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art? Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox.

U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u mgħallmin. Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew il-forma l-qasira

QARI II
Naslu fl-aħjar taż-żmien biex isseħħ il-milja ta’ Kristu.
Efes 4:1-7,11-13

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd. Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qies tad-don ta’ Kristu.

U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u mgħallmin. Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 28:19a,20b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
R/. Hallelujah.

Il-Mulej Ġesù kien imtella’ s-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.
Mk 16:15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu”.

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jipprietkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Bil-Misteru tal-Għid, Ġesù hu ddikjarat: Ġesù Kristu hu l-Mulej! (Filippin 2, 11)

Il-Mogħdija ta’ Ġesù mill-mewt għall-ħajja hi kompluta meta hu tela’ s-Sema u qagħad fuq il-lemin tal-Missier biex ikun jista’ jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli tiegħu.

Qabel telaqhom, Ġesù ħalla struzzjonijiet ċari ħafna lill-Ħdax: “Fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu” (Atti 1, 5).

Mela kien jonqos xi ħaġa importanti ħafna fil-formazzjoni tagħhom. Ġew magħżula minn Ġesù, ġew mgħallmin minnu, kienu xhieda okulari ta’ kulma għamel, rawh diversi drabi u kielu miegħu wara li qam mill-mewt. Imma dan ma kienx biżżejjed. Kien jonqos ir-raġuni li minħabba fiha Ġesù għamel dil-ħidma kollha ta’ fidwa u salvazzjoni—il-miġja tal-Ispirtu ta’ Alla skont il-profeziji.

Ġesù għażilhom biex ikunu xhieda tiegħu mad-dinja kollha. S’hawn, ħafna minna nifhmuha u nippruvaw aħna wkoll inkunu xhieda fiċ-ċirkustanzi tagħna. Imma l-ebda sforz tal-bniedem mhu qatt biżżejjed biex isir ix-xogħol veru ta’ testimonjanza. Ġesù jkompli jinsisti: “Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1, 8).

Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” – kulħadd imsejjaħ biex imur fid-dinja kollha? Le! Imma kulħadd hu msejjaħ biex imur, jiġifieri joħroġ mill-ambjent komdu tiegħu, u jxandar l-Evanġelju. Kif tista’ tagħmel dan? Żgur li mhux bl-isforzi tiegħek biss. Għandek bżonn l-Ispirtu s-Santu, għandek bżonn id-doni tiegħu. Bħalma l-Ħdax kellhom relazzjoni ma’ Ġesù li biddlithom minn jum għal ieħor, hekk int teħtieġ relazzjoni ma’ Ġesù li tbiddlek, tbiddillek il-valuri tiegħek, tbiddillek dak li inti tqis li hu l-iktar importanti f’ħajtek (il-prijoritajiet tiegħek). Din hi l-ħidma tal-Ispirtu fik.

Min jemmen u jitgħammed” – Inti temmen u mgħammed. L-ewwel dixxipli ma kinux bħalna! Aħna l-ewwel jgħammduna, imbagħad nemmnu. Din il-mixja ta’ fidi mhix fakultattiva, jiġifieri ma nistax ngħaddi mingħajrha bħala dixxiplu tal-Mulej. U hawn Ġesù jiddeskrivi l-effetti ta’ min jemmen u jitgħammed: isalva, jkeċċi x-xjaten …Irrid nagħmilha l-mistoqsija: dawn l-effetti jidhru f’ħajti, nagħtihom importanza, jew qisu din il-kelma ta’ Ġesù qabel tela’ s-Sema ma tgħoddx għalija?

Qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla” – din l-istqarrija hi parti mill-Kredu tagħna. Fuq din il-verità, it-Testment il-Ġdid jibni l-ħidma ta’ Ġesù fis-Sema. Hemm, fuq il-lemin tal-Missier, il-Ħaruf ta’ Alla jinterċedi għalina bis-setgħa ta’ Demmu. L-interċessjoni ta’ Ġesù għandha skop wieħed li kien spjegah Ġesù nnifsu: permezz tiegħu biss tistgħu tmorru għand il-Missier. Għand min immur meta jkolli bżonn xi ħaġa verament importanti, għand Ġesù jew għand xi ħadd ieħor?

The post Is-Seba’ Ħadd ta’ L-Għid Tlugħ tal-Mulej fis-Sema appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.